Read in English.
Nhar l-Erbgħa l-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Portugall qal li uħud mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea kienu kisru patt biex terġa’ tiġi stabbilita l-libertà tal-moviment fil-blokk wara li tneħħew il-lockdowns tal-coronavirus.
“Nifhmu li kulħadd kien obbligat li jerġa’ jistabbilixxi l-moviment liberu fl-UE mill-1 ta’ Lulju l-aktar tard,” qal il-Ministeru f’dikjarazzjoni li ntbagħtet lil Reuters.
“Nemmnu li r-restrizzjonijiet u d-deċiżjonijiet li ttieħdu minn xi Stati Membri fir-rigward ta’ Stati Membri oħra juru nuqqas ta’ rispett għal din ir-rabta,” kompliet tgħid id-dikjarazzjoni, mingħajr ma ġie speċifikat liema Stati Membri kienet qed issir referenza għalihom.
Il-kummenti tal-Ministeru ġew wara li r-Renju Unit – pajjiż li ħareġ mill-UE f’Jannar imma li għadu qed josserva r-regolamenti tal-kummerċ u tal-ivjaġġar sa tmiem is-sena – nhar il-Ġimgħa ddeċieda li jkompli jżomm is-sistema ta’ kwarantina għal vjaġġaturi li ġejjin mill-Portugall.
Dan laqat ħażin lill-pajjiż li jiddependi ħafna fuq it-turiżmu.
Pajjiżi Ewropej oħra, inkluż l-Irlanda, il-Belġju u l-Finlandja, ilkoll membri tal-UE, imponew ukoll restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar mill-Portugall. Spanja wkoll qed tiffaċċja kwarantina mir-Renju Unit u restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar minn pajjiżi oħra.
Inizjalment il-Portugall irċieva tifħir għar-rispons immedjat li kellu għall-pandemija, imma żieda kostanti fl-għadd ta’ każijiet, fejn matul dawn l-aħħar xaharejn żdiedu b’rata ta’ mijiet kuljum fiż-żona madwar Lisbona, qajmet tħassib fost l-awtoritajiet lokali u barra l-pajjiż.
Il-Portugall, li ripetutament attribwixxa s-sejbien ta’ każijiet ġodda għar-rata għolja ta’ ttestjar, esprima t-tħassib tiegħu dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar imposti kemm quddiem il-Kummissjoni Ewropea u anke quddiem il-Kunsill Ewropew, qal il-Ministeru.
Kelliem għall-Kummissjoni Ewropea qal nhar it-Tlieta li “biex nimxu ‘l quddiem għandu jkun evitat li nerġgħu nistabbilixxu restrizzjonijiet ineffettivi u kontrolli interni bejn il-fruntieri Ewropej.”
Id-dikjarazzjoni kompliet: “Kwalunkwe restrizzjoni fuq il-moviment liberu fl-UE għandha tintuża biss fejn dan huwa strettament meħtieġ u din għandha tkun ħidma koordinata, proporzjonata u mhux diskriminatorja mmirata biex tindirizza r-riskji għas-saħħa pubblika.”