Ir-restawr tal-Qabar ta’ Kristu jitlesta fil-ħin għall-Għid

Tim ta’ xjenzati u restawraturi għadhom kemm lestew ix-xogħol fuq il-post tal-qabar ta’ Ġesù fil-Belt il-Qadima ta’ Ġerusalemm, u llum qed jerġa’ jinfetaħ għall-pubbliku.
Il-grupp ilu għaddej għal dawn l-aħħar disa’ xhur b’ħidma intensiva fil-Bażilika tas-Santu Sepulkru, iffukat fuq l-istruttura ċkejkna wieqfa fuq il-post tad-difna ta’ Ġesù, magħrufa bħala l-Edikola.
It-tradizzjoni Nisranija żżomm li l-ġisem ta’ Ġesù ġie midfun f’dik li llum hi forsi l-iktar knisja għażiża għall-Insara kollha.
L-istruttura kellha bżonn xogħol ta’ tisħiħ u konservazzjoni, speċjalment fuq is-sistema tad-drenaġġ, qalet Antonia Moropoulou, professur fl-Università Teknika Nazzjonali ta’ Ateni. Moropoulou kienet responsabbli mill-ħidma ta’ restawr fuq is-sit.
Il-Griegi Ortodossi, l-Armeni u l-Kattoliċi bejniethom jieħdu ħsieb il-knisja, fejn spiss iqumu tensjonijiet. Minħabba l-kwistjonijiet bejn il-Knejjes, ix-xogħol ta’ restawr baqa’ fuq l-ixkaffa għal iktar minn 200 sena.
Imnalla kienu l-awtoritajiet ta’ Israel, li taħthom taqa’ Ġerusalemm tal-Lvant minn wara l-gwerra tal-1967, li ddeċidew li l-post ma kienx għadu sigur u kellu bżonn ir-restawr.
Rapporti fil-midja qalu li kull denominazzjoni tat kontribut għall-proġett, u r-Re Abdullah tal-Ġordan ukoll għamel donazzjoni personali, bl-ispiża totali titla’ għal madwar $3.3 miljun.
Moropoulou qalet li sar xogħol estensiv fuq il-lavur tal-ġebla fil-qabar.