Ir-restawr fuq il-Pittura Titulari ta’ Kemmuna fi stadju avvanzat

Read in English.

Jinsab għaddej ġmielu x-xogħol fuq ir-restawr u l-konservazzjoni tal-pittura titulari tal-Kappella ta’ Kemmuna. Dan il-proġett, iffinanzjat mill-Bank of Valletta huwa mistenni li jitlesta sa qabel nofs is-sena d-dieħla.

Impittra biż-żejt fuq it-tila, il-pittura tmur lura għall-bidu tas-seklu 18 u għandha suġġet uniku għall-gżejjer Maltin għax tirrappreżenta r-Ritorn tal-Familja Mqaddsa mill-Eġittu fi triqthom lura lejn Nazzaret. Fil-kwadru tidher b’mod prominenti l-figura ta’ Ġesu’ tfajjel miżmum minn idu mill-Madonna, bil-figura ta’ San Ġużepp mitfugħa iktar lura u l-ħmara li kienet il-mezz tat-trasport li wasslet lill-Familja Mqaddsa tul il-vjaġġ.

Wara li f’Awwissu li għadda, il-pittura nqalgħet minn postha u ġiet trasportata lejn il-laboratorju ta’ PrevArti fil-Mosta, immedjatament bdiet il-ħidma billi l-ewwel saret dokumentazzjoni fotografika, segwita minn trattament ta’ diżinfestazzjoni, testijiet ta’ tindif fuq partijiet żgħar mill-pittura u issa nbeda t-tindif attwali fuq il-pittura kollha.

Kif jitlesa dan il-proċess, tibda fażi oħra fejn il-ħidma tiffoka fuq it-tila oriġinali li trid tinqala’ minn mat-tilar u eventwalment tiġi separata minn fuq tila oħra li tinsab imwaħħla fuq wara u titnaddaf il-kolla. Dan il-proċess għandu jservi biex tiġi kkonservata u msaħħa t-tila oriġinali.

Fi kliem ir-restawratur Pierre Bugeja, it-tama hija li fuq wara tat-tila tinstab il-firma tal-artist li sa issa għadu mhux magħruf. “Fil-bidu tas-seklu 18, kienet pjuttost xi ħaġa komuni li l-artisti kienu jżommu x-xogħol tagħhom b’mod anonimu. Madankollu, mill-gwarniċ tal-pittura u mill-uċuh tal-figuri, nifhmu li hemm similaritajiet ma’ pitturi li jinsabu fil-Parroċċa tan-Nadur. Għaldaqstant mhux eskluż li dan il-kwadru huwa xogħol wieħed mill-artisti li diġa’ nafu li ħadmu fuq pitturi tan-Nadur iżda s’issa ma nistgħux ngħidu dan b’ċertezza.”

Minn naħa tiegħu, l-Eżekuttiv tal-PR u l-Marketing tal-Bank of Valletta, Charles Azzopardi waqt żjara li għamel fil-laboratorju ta’ PrevArti fil-Mosta, faħħar il-ħidma tar-restawraturi u fakkar kif il-bank permezz ta’ dan il-proġett qed ikompli jonora l-impenn tiegħu li jippreserva l-arti u l-kultura għall-ġenerazzjoniet futuri. “Il-Bank of Valletta huwa kburi li jassoċja ruħu ma’ proġetti ta’ dan il-kalibru. Ħassejna l-bżonn li nkunu parti minn dan il-proġett, sew minħabba l-valur artisitku li għandu dan il-kwadru, kif ukoll minħabba l-fatt li s-suġġett li jirrapreżenta huwa uniku minnu nnifsu.”

Il-kappillan tal-Kappella ta’ Kemmuna, Monsinjur Ġużeppi Attard, qal li malli ngħata f’idejh it-tmexxija tal-kappella, ħass immedjatament il-ħtieġa li tiġi kkonservata din il-pittura. “Nistenna bi ħġari t-tlestija tar-restawr, u ninsab ħerqan biex ladarba tkun lesta, nilqgħu mill-ġdid din il-pittura biex titgawda mill-pubbliku fil-kappella tal-bajja ta’ Santa Marija għal Mejju 2020.”