Ir-responsabbiltà tat-tfal waqt Skola Sajf hija tal-play workers

Imejl interna li ntbagħtet mill-konsulent legali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni tagħmilha ċara li jekk jindarbu t-tfal li jkunu qed jattendu Skola Sajf jew Klabb 3-16, ir-responsabbiltà tkun tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi u tas-support LSAs jew play workers responsabbli minnhom.
Fir-reazzjoni għall-każ li żvela Newsbook.com.mt, fejn tifel ta’ tliet snin ħarab mill-iskola Primarja tal-Fgura mingħajr ħadd ma nduna, l-istqarrija tal-Ministeru u d-dikjarazzjonijiet tal-Ministru Evarist Bartolo jagħmlu referenza għall-bibien tal-iskola u kif dawn għandhom ikunu magħluqa.
Għaldaqstant din l-imejl, li waslet ukoll għand il-Ministru u l-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi, tagħmilha ċara li r-responsabbiltà hija tal-għalliema.
Din l-imejl tikkonferma wkoll dak li rrapporta Newsbook.com.mt, li s-support LSAs jew play workers fil-iskola tal-Fgura, ingħataw struzzjoni li ma jistgħux iħallu lit-tfal waħedhom biex imorru t-toilet u biex it-tfal joħorġu mill-klassi jridu jkunu akkumpanjati mill-adulti.
Il-każ ta’ dan it-tifel li ħarab mill-iskola tal-Fgura fi Triq il-Kitba u nstab iktar tard fi Triq is-Sur quddiem supermarket seħħ it-Tnejn 18 ta’ Awwissu.
Wara li l-każ ġie żvelat minn Newsbook.com.mt, il-Ministeru tal-Edukazzjoni ikkonferma l-każ fi stqarrija jumejn wara.
Ir-rapport tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi mistenni li jkun lest fil-ġimgħat li ġejjin.