“Ir-residenti ta’ Pembroke b’tama għal Malta” – Moviment Graffiti

Il-Moviment Graffitti qal li qed jappoġġja lir-residenti u Kunsill Lokali ta' Pembroke u ħabbar li se jattendi l-laqgħa organizzata mir-residenti nhar it-Tlieta fis-6pm fi Triq Gabriele Henin, li ħafna qed iqisuha bħala protesta.
Fi stqarrija l-Moviment Graffitti ħabbar li qed jappoġġjahom fl-oppożizzjoni tagħhom għall-iżvilupp li qed jiġi propost fil-lokalità.
Pembroke bħalissa hu mhedded mill-possibiltà li ssir skola privata oħra li l-istruttura tagħha tinbena fuq art pubblika u naturali.
Sostna li r-reazzjoni tar-residenti u l-Kunsill Lokali ta’ Pembroke għal din it-theddida li l-lokalità tagħhom qed taffaċċja, toffri tama lil Malta.
Il-Moviment Graffitti qal li jekk tinbena skola privata fuq art pubblika mhux mittiefsa, dan ma jkun xejn ħlief att ta’ regħba bla mistħija. Żied jgħid li spazji pubbliċi u miftuħa huma essenzjali għall-kwalità ta’ ħajja diċenti tal-komunità, u iktar teħid t’art pubblika minn interessi privati jkun kompletament inaċċettabbli.
Il-post ikkonċernat huwa wkoll xagħri mhux mittiefes, maġenb sit tan-Natura2000. Dan ifisser li din il-binja, barra li hi estetikament atroċi, se twassal ukoll għal dannu ambjentali irreversibbli.
Wara li ħafna residenti kitbu fuq Facebook biex jesprimu d-diżapprovazzjoni tagħhom għal din l-applikazzjoni, Newsbook.com.mt kien tkellem mas-Sindku ta’ Pembroke Dean Hili, li qal li bħalissa Pembroke jinsab taħt assedju.