Ir-residenti ta’ Gwardamanġa bi protest ġudizzjarju kontra l-iżviluppatur

Miguela Xuereb

14-il resident tal-binja li ġġarrfet fi Gwardamanġa ressqu protest ġudizzjarju kontra l-iżviluppatur Mohib Abouzidan u l-kumpanija li jirrappreżenta.

Aqra: Filmati u Ritratti: Jiġġarraf ħajt ta’ blokka ta’ appartamenti fi Gwardamanġa

L-Avukat Edward Zammit Lewis ressaq dan il-protest f’isem il-familji llum, u talab li l-iżviluppaturi Abouzidan, Carmel Ellul u Ebcon Trading Company Limited jinżammu responsabbli tal-ħsarat li saru, tal-ħsarat li qed ibatu minnhom il-familji u li għadhom iridu jbatu minħabba fihom. Il-protest ikompli jgħid li l-iżviluppaturi, taħt is-superviżjoni tal-Perit Jonathan Schembri, aġixxew b’negliġenza u ma ħarsux ir-regolamenti tal-kostruzzjoni sew.

Aqra: Tiġrif: “Hemm bżonn għajnuna psikoloġika u materjali” – PN

B’konsegwenza t’hekk, jgħid il-protest, il-familji spiċċaw bla saqaf fuq rashom, u tneħħewlhom oġġetti personali tagħhom minn djarhom mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħhom. Żied jgħid ukoll li x-xogħlijiet ta’ skavar xorta kienu qed isiru mingħajr konsultazzjoni mar-residenti tal-appartamenti fi Triq Mimosa.

Aqra: Bini Gwardamanġa: Residenti jorqdu barra biex joqogħdu għassa mal-bini

Zammit Lewis talab lill-Qorti Ċivili tinsisti mal-perit li jsegwi l-proċeduri l-ġodda kif maħruġa mill-Gvern il-ġimgħa li għaddiet, jiġifieri biex joħroġ dikjarazzjoni tal-metodu, biex jippubblika rapport dettaljat tal-kundizzjoni tal-binja u biex il-binja tkun assigurata b’policy addattata. Il-protest jgħid li x-xogħlijiet m’għandhomx jitkomplew sa ma jiġri dan.

Aqra: Skavar u twaqqigħ: Iktar responsabbiltà fuq il-periti; il-multi jiżdiedu b’20 darba

Il-familji għamluha ċara li jekk dan il-protest ġudizzjarju jaqa’ fuq widnejn torox, huma jikkunsidraw li jagħmlu rapport kriminali mal-Kummissarju tal-Pulizija.