“Se jinqalgħu 3 mhux 15-il siġra” – Inġ. Azzopardi

Read in English.

Il-Kap ta’ Infrastucture Malta l-Inġinier Frederick Azzopardi qal li se jinqalgħu tliet siġriet mhux ħmistax fil-proġett li se jsir fiċ-ċentru ta’ Malta.

Waqt il-programm Newsline fuq RTK, Azzopardi qal li l-proġetti li qed isiru u qed jiġu ppjanati għat-toroq Maltin huma għall-benefiċċju tar-residenti. Stqarr li jifhem ir-rabja tan-nies meta jisimgħu li se jinqalgħu siġar mit-toroq, iżda jaf ukoll li mhux dejjem ikun hemm bażi ta’ verità. Qal li dan jista’ jkun dovut għal nuqqas ta’ komunikazzjoni, bħalma ġara fil-każ tat-triq tar-Rabat fejn ċaħad bl-aktar mod kategoriku li se jinqalgħu 200 siġra taż-żnuber kif deher f’xi rapporti.

Fl-istess programm tkellmet ukoll l-esperta tat-traffiku l-Professur Maria Attard li sostniet kif fl-ippjanar tradizzjonali, kien hemm enfażi kbira fuq it-traffiku u allura bdew jitwessgħu t-toroq. Madankollu staqsiet kemm għadhom jiġu kkunsidrati l-bżonnijiet tar-residenti fl-iżvilupp ta’ dawn il-proġetti għax fi kliemha, illum qed jinħolqu toroq għall-karozzi u mhux għan-nies.

Għal dan, l-Inġinier Azzopardi wieġeb li dawn il-proġetti huma għan-nies, fejn semma dak ta’ Central Link bejn ir-Rabat u l-Imrieħel. Spjega li f’dan il-każ, huma r-residenti li jgħixu fiċ-ċentri ta’ Ħ’Attard, Ħal Balzan u Ħal Lija l-aktar li se jgawdu, minħabba tnaqqis bin-nofs fl-emissjonijiet tat-traffiku.

Dwar Ħal Balzan, spjega li twaqqa’ ħajt u s-siġar għax it-triq ma baqgħetx dritta mal-linja approvata, u dan kien qed iwassal biex il-karozzi jieqfu jistennew vetturi oħra ġejjin min-naħa l-oħra. Qal li dan kollu joħloq tniġġiż żejjed għar-residenti.

Min-naħa tagħha, il-Professur Attard qalet li iktar ma twessa’ t-toroq, iktar se jiżdiedu l-karozzi. Għal dan, l-Inġinier Azzopardi argumenta li ma jistgħux jitħallew żoni ta’ konġestjoni tat-traffiku biex ma jiżdidux il-karozzi.

Intant waqt konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu, il-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera kkonferma dak li qal l-Inġinier Azzopardi, li se jinqalgħu tliet siġriet u mhux 15 bejn il-Knisja Madonna tal-Vitorja u r-Rabat.

Waqt żjara tal-Ministri Herrera u tal-Infrastruttura Ian Borg, fil-Bypass tal-Mellieħa fejn għaddejjin ix-xogħlijiet, il-Ministru Borg qal li t-twessigħ u t-titjib tat-toroq hu miżura importanti kontra l-isfida tat-traffiku li taffaċċja Malta. Kompla jgħid li permezz ta’ dan il-proġett, minn 300 is-siġar għandhom jiżdiedu għal 600.

Il-Ministri taw bidu wkoll għat-tħawwil ta’ 28 siġra tal-ħarrub billi ħawlu 13 fil-Mellieħa. Il-Ministru Herrera żied illi din is-sena se titwettaq il-wegħda elettorali li tinżera’ siġra għal kull wild.