Filmati u Ritratti: Robert Abela dwar il-kabinett; il-ħatra fit-3.30pm

Aġġornat 03:02 PM
DOI - Clodagh O'Neill

Read in English.

Il-mistoqsija fuq fomm bosta hija “meta se jkun qed jitħabbar uffiċċjalment il-Kabinett?” Dan hekk kif fis-sigħat li ġejjin, Robert Abela se jkun għalaq jumejn mill-ħatra tiegħu bħala Prim Ministru ta’ Malta. Newsbook.com.mt jinsab infurmat li Abela mistenni jiffinalizza l-membri tal-kabinett tiegħu llum.

1.20pm: L-uffiċċju tal-Prim Ministru jħabbar il-lista uffiċjali tal-membri tal-Kabinett.

12.45pm: Il-kabinett se jinħatar fit-3.30pm.

12pm: Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu ferħet lil Abela għall-kariga ġdida tiegħu bħala Prim Ministru ta’ Malta u mexxej tal-Partit Laburista. L-assoċjazzjoni qalet li tinsab kunfidenti li taħt it-tmexxija ta’ Abela se jkun hawn ambjent politiku seren, kalm u stabbli. Qalet li dan huwa essenzjali għad-dettur tat-turiżmu.

11.50am: Intant qed jingħad li Roderick Galdes se jingħata l-portafoll tal-Akkomodazzjoni Soċjali.

11.45am: Rapporti li Alex Muscat se jieħu f’idejh l-iskema tal-Bejgħ taċ-Ċittadinanzi (IIP)

Filmat: Miguela Xuereb

11.13am: Dwar il-ħin li fih se jingħalaq il-kabinett, Abela qal “dak tkunu tafu iżjed tard.”

11.12am: Aktar kmieni, lill-ġurnalisti, Abela qalilhom li “jien ma nistax għal kull allegazzjoni li tidħol niddeċiedi jekk naħtar jew ma naħtarx Ministru”.

11.11am: Mistoqsi dwar x’se jagħmel fuq il-membri tal-kabinett li qed jiġu investigati u li hemm proċedimenti fil-Qorti dwarhom. Hu qal li dwar l-inkjesta maġisterjali hemm proċess li huwa għaddej u f’dan l-istadju hemm biss allegazzjoni li mhix ippruvata. Qal li l-inkjesta mhux waħda kriminali imma waħda li taħdem biex issib u tidentifika l-fatti.

11.05am: Hu u jwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalista, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li hu ma jikkomunikax ma’ Keith Schembri.

10.57am: Il-Prim Ministru Robert Abela beda t-tieni jum sħiħ tiegħu fil-kariga bi żjara kemxejn differenti. Kif ħareġ mill-karozza malli wasal il-Berġa ta’ Kastilja, huwa ntlaqa’ minn grupp ta’ studenti.

10.45am: Għall-ħabta tal-10am, il-Prim Ministru Robert Abela deher dieħel fil-Berġa ta’ Kastilja fejn waqaf jitkellem ma’ grupp ta’ studenti u ġurnalisti.

10.26am: Qed jingħad li Michael Farrugia se jkun responsabbli mill-Enerġija.

10.20am: Julia Farrugia Portelli minn Segretarju Parlamentari mistennija ssir Ministru għat-Turiżmu.

10.15am: Josè Herrera mistenni jingħata l-Ministeru tal-Kultura li jkun responsabbli wkoll mix-Xandir.

10am: Jidher li Ian Borg se jingħata r-responsabbiltà ta’ Projects Malta li qabel kienet taħt il-Ministeru għat-Turiżmu.

9.30am: Skont rapporti Clayton Bartolo se jingħata f’idejh is-servizzi finanzjarji, l-ekonomija diġitali u l-innovazzjoni.

9.22am: Rapporti qed jgħidu li Rosianne Cutajar se tkun responsabbli mill-ugwaljanza u r-riformi.

9.20am: Newsbook.com.mt jikkonferma li Aaron Farrugia se jingħata r-responsabbiltà tal-Awtorità tal-Ippjanar. Din ir-responsabbiltà tneħħiet minn taħt Ian Borg li jidher li se jżomm l-istess Ministeru li kellu qabel iżda b’xi responsabbiltajiet imnaqqsa.

Wara jum sħiħ ta’ laqgħat ma’ dawk li mistennija jiffurmaw parti mill-kabinett, l-indikazzjonijiet qed juru li:

  • Chris Fearne se jżomm il-pożizzjoni tiegħu bħala Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa.
  • Byron Camilleri huwa mistenni jingħata f’idejh il-Ministeru għall-Intern.
  • Edward Zammit Lewis se jingħata l-Ministeru għall-Ġustizzja.
  • Qed jingħad li Edward Scicluna se jżomm il-Ministeru għall-Finanzi.
  • Evarist Bartolo, Clifton Grima, Julia Farrugia Portelli u Justyne Caruana mistennija jingħataw xi portafoll fil-kabinett ukoll.
  • Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li Owen Bonnici se jingħata f’idejh il-Ministeru għall-Edukazzjoni.
  • Newsbook.com.mt jinsab infurmat li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin se jingħata lil Evarist Bartolo.
  • Qed jingħad li Josè Herrera se jingħata karigi f’Ministeri ġodda.
  • Silvio Schembri jidher li se jingħata l-portafoll tal-Ekonomija.
  • Rapporti qed jindikaw li d-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Chris Cardona mhux se jkun qed jifforma parti mill-kabinett ta’ Abela għax ma aċċettax li jieħu l-Ministeru għat-Turiżmu f’idejh. Madanakollu skont informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt Chris Cardona ma ġie offrut l-ebda Ministeru.
  • Ir-reshuffle ta’ Abela jaf twassal għat-tmiem tal-irwoli li kellhom Joe Mizzi, Chris Agius u Anthony Agius Decelis fil-kabinett ta’ Joseph Muscat.
  • Ian Borg se jitħalla jżomm l-istess Ministeru iżda minnu tnaqqsu xi responsabbiltajiet, fosthom l-Awtorità tal-Ippjanar. Qed jingħad li issa hu se jkun responsabbli għall-Port.

Abela ġie elett bħala mexxej tal-Partit Laburista fis-sigħat bikrin tal-Ħadd filgħodu, imbagħad it-Tnejn ħa l-ġurament tal-ħatra fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta. Mill-ewwel kien hemm ħafna mistoqsijiet dwar min se jkun qed iservi fil-kabinett u minn se jibda jkun qed jaħdem fl-uffiċju tal-Prim Ministru fil-Berġa ta’ Kastilja.

Waħda mill-mistoqsijiet fuq fomm kulħadd kienet il-pożizzjoni ta’ Chris Fearne, li taħt Muscat serva bħala Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa. Dan hekk kif hu ma kienx preżenti għall-ġurament tal-ħatra, iżda mar mill-ewwel Kastilja, fejn ftit tal-ħin wara l-ħatra, Abela mexxa l-ewwel laqgħa tal-grupp parlamentari.

Ilbieraħ imbagħad ħareġ li Fearne jidher li se jkun qed iżomm postu bħala Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa. Dan ġie rrappurtat fil-ġurnal timesofmalta.com fejn ikkwotaw sorsi li kkonfermaw li Fearne u Abela laħqu ftehim li ma jkunx hemm tibdil mill-irwol eżistenti.

Intant, mistoqsija oħra li qajmet kontroversja sħiħa kienet ir-raġuni għaliex Neville Gafà, uffiċjal kontroversjali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, attenda għaċ-ċerimonja tal-ħatra.

Gafà huwa kontroversjali peress li huwa akkużat fil-qorti b’rabta mal-iskandlu tal-viżas mediċi. F’Ottubru fetaħ kawża quddiem il-Qorti Kostituzzjonali kontra l-Avukat Ġenerali dwar il-kwalità li ntużat fil-Qorti waqt l-aħħar seduta biex xehdu l-Libjani permezz ta’ telefonata fuq Skype.

Ilbieraħ imbagħad, Neville Gafa rriżenja minn uffiċjal fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Huwa kien ġie maħtur bħala person of trust mill-Prim Ministru Joseph Muscat. Ir-riżenja tas-Sur Gafa kienet aċċettata miċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Clyde Caruana. Caruana kkonferma ma’ Newsbook.com.mt li Gafa tah l-ittra tar-riżenja. Huwa ma qalx x’kienet ir-raġuni għal din ir-riżenja.