Ir-Requiem ta’ Duruflé għall-ewwel darba f’Malta

Bejn l-4 u l-6 t’April, il-kor Schola Cantorum Jubilate flimkien mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, se jkunu qed itellgħu r-Requiem ta’ Duruflé.
Requiem hija kompożizzjoni miktuba għal Quddiesa li ssir b’suffraġju tal-erwieħ.
Ir-Requiem ta’ Duruflé tlestiet fl-1947 u minn dak iż-żmien baqgħet magħrufa bħala kapulavur. Duruflé kien milqut ferm mill-kant Gregorjan u għalhekk inkorporah f’din ir-Requiem.
Il-kompożizzjoni se titgħella għall-ewwel darba f’Malta fis-Sala Robert Sammut tal-Furjana. Fis-6 t’April se titgħella fil-Bażilika Santwarju ta’ Marija Bambina tax-Xagħra.
Minbarra r-Requiem, il-kor Schola Cantorum Jubilate se jkanta a cappella numru ta’ motetti. L-Orkestra Nazzjonali se tesegwixxi wkoll s-‘Sinfonia al Santo Sepulcro’ ta’ Vivaldi.
Mal-orkestra nazzjonali, se jieħu sehem l-organista Simone Vebber li jgawdi reputazzjoni internazzjonali. Se jieħdu sehem ukoll il-mezz-sopran Marvic Monreal u l-baxx Albert Buttiġieġ.