Ir-reputazzjoni tas-settur finanzjarju Malti ilha sejra lura mill-2017 – The Economist

Skont The Economist, ir-reputazzjoni tas-settur finanzjarju Malti ilha sejra lura mill-2017

F’artiklu entitolat Malta u Ċipru jiffaċċjaw żieda fil-pressjoni minħabba l-ħasil tal-flus, The Economist qal li r-reputazzjoni tas-settur finanzjarju ta’ Malta – aktar ġdid minn taċ-Ċipru u għalissa żgħir wisq biex iħasseb lill-Amerka – bdiet tmur lura mill-2017.

The Economist irrapporta kif uffiċjal mill-Borża Amerikana nkarigat b’ħidma kontra l-ħasil tal-flus żar liċ-Ċipru f’Mejju tal-2018. L-uffiċċju tiegħu kien waqqaf l-użu tad-Dollaru Amerikan fil-bank ABLV, wieħed mill-akbar banek fil-Latvja. Minħabba f’hekk il-bank kellu jagħlaq. L-Uffiċjal avża lill-awtoritajiet Ċiprijotti li jekk ma jieħdux azzjoni, kien se jmiss lilhom. Skont The Economist, Malta ffaċċjat pressjoni simili mill-Ewropa minħabba Pilatus Bank – bank maħkum mill-iskandli.

L-Economist qal li l-Unjoni Ewropea (UE) ntlaqtet minn skandli tal-ħasil tal-flus matul l-aħħar sena. Spjega li ħafna mill-pressjoni waqgħet fuq Malta u fiċ-Ċipru, l-iżgħar ekonomiji tal-UE. L-Economist qal li Malta u Ċipru akkwistaw reputazzjoni bħala pajjiżi korrotti.

Rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-bejgħ tal-passaporti avżat dwar ir-riskji li jġibu magħhom l-iskemi ta’ ċittadinanza taż-żewġ pajjiżi. It-tnejn qalu li qed jieħdu aktar azzjoni però ħafna għadhom imħassba dwar jekk dan hux kumpatibbli mal-entużjażmu tal-pajjiżi għall-offshore banking.

L-Economist kiteb kif iċ-Ċipru ilu jilqa’ flus mir-Russja mill-1990. L-Istati Uniti qed tħares lejn dan il-pajjiż b’interess ġdid hekk kif qed tfittex tnaqqas l-influwenza tar-Russja fuq il-Punent.

The Economist spjega li r-reputazzjoni tas-settur finanzjarju ta’ Malta bdiet tmur lura fl-2017. Il-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia allegat li Pilatus Bank kien qed jaħsel il-flus għall-familja li tmexxi lill-Ażerbajġan filwaqt li uffiċjali Maltin ixxaħmu biex jagħlqu għajn waħda. Huma jiċħdu dan. Caruana Galizia inqatlet f’karozza bomba fis-16 ta’ Ottubru 2017.

Skont The Economist, ir-regolaturi diġà qed juri xi titjib. Numru ta’ nies jinsabu xettiċi dwar l-isforzi li qed isiru. Panicos Demetriades, l-eks kap tal-Bank Ċentrali ta’ Ċipru qal li ssawru numru ta’ industriji madwar il-banek inkluż kumpaniji legali b’konnessjonijiet politiċi tajbin. Il-maġġoranza ma ġralhom xejn.

Il-Kummissjoni Ewropea qalet lir-regolaturi Maltin biex iżidu l-implimentazzjoni tas-suġġerimenti tal-Awtorità Bankarja Ewropea. Avżat li jekk id-deadlines ma jinżammux, jista’ jkun hemm multi kbar. Minn Frar, il-proporzjon tad-depożiti fil-Latvja li kienu ta’ nies mhux residenti niżel minn 40% għal 20%. F’Malta l-figura hija ta’ 45%.