Ir-Renju Unit jikkunsidra lil Franza u l-Ġermanja mal-lista tal-kwarantina

REUTERS/Borja Suarez

Pajjiżi bħal Franza u l-Ġermanja jistgħu ma jdumux ma jispiċċaw fuq il-lista tal-kwarantina tar-Renju Unit, l-istess kif tpoġġiet Spanja fl-aħħar jiem. Dan żvelaħ il-ġurnal The Telegraph hekk kif il-Gvern Ingliż wissa li se jkun qed jieħu deċiżjonijiet immedjati biex jirrispondi għal żieda fil-każijiet ta’ Covid-19.

Il-Prim Ministru Franċiż Jean Castex fi tmiem il-ġimgħa tkellem dwar il-possibbiltà ta’ lockdown ieħor hekk kif il-Ministru tas-Saħħa wissa’ li l-bars jaf ikollhom jagħlqu jekk il-każijiet jibqgħu jistgħu. Castex qal li lockdown nazzjonali ma jistax jiġi eskluż iżda sostna li l-priorità tal-Gvern kienet “il-prevenzjoni” u li għall-ewwel se tintuża sistema ta’ lockdowns lokali fiż-żoni fejn ikun hemm żieda fl-infezzjonijiet.

Michael Kretschmer, Prim Ministru tal-Istat Ġermaniż tas-Sassjonja qal: “It-tieni mxija tal-coronavirus diġà qegħda hawn. Qed iseħħ kuljum. Għandna clusters ġodda ta’ infezzjonijiet kuljum li jistgħu jsiru numri kbar.”

Kelliema għall-industrija tal-ivvjaġġar qalu li l-impożizzjoni tal-kwarantina fuq Spanja tista’ toqtol is-safar barra l-pajjiż dan is-Sajf hekk kif bosta familji jiddeċiedu li ma jsiefrux beżgħana mir-riskju li jkollhom jispiċċaw f’iżolament ftit ġimgħat biss qabel jerġgħu jibdew l-iskejjel.

Dominic Raab, is-Segretarju tal-Affarijiet Barranin, insista li l-Gvern tar-Renju Unit “mhu se jitlob ebda skuża” għad-deċiżjoni li ħa s-Sibt li jimponi kwartantina fuq ivvjaġġar minn Spanja, minkejja li 24 siegħa qabel il-Gvern kien indika il-kuntrarju. Huwa ammetta li “hemm element ta’ inċertezza dan is-Sajf”, u l-kwarantina tista’ tiġi imposta fuq nazzjonijiet oħra wkoll.

Ir-rata ta’ infezzjoni żdiedet b’50% fi Franza f’ġimgħa, b’1,130 każ ġdid fil-jum tas-Sibt. Żidiet qawwija kienu rrappurtati wkoll fil-Ġermanja, l-Olanda, l-Awstrija, l-Iżvizzera, il-Polonja, Ġibiltà, l-Italja, Monako u l-Awstralja, filwaqt li fil-Baħamas u l-Lussembugu r-rata ta’ infezzjoni issa qabżet saħansitra dik ta’ Spanja.