Ir-Renju Unit mitlub joħroġ €2 biljun iktar għall-UE

Ir-Renju Unit ġie mitlub iżid il-kontribuzzjoni finanzjarja tiegħu lill-UE, b’iktar minn €2 biljun.
Il-ħlas mitlub hu b’lura għaliex l-ekonomija fl-aħħar snin marret aħjar minn kif kienet mistennija.
Il-ħlas isegwi reviżjoni fil-kalkoli ta’ kemm għandu jagħti kull pajjiż, u dan skont il-medja tal-pagi li jitħallsu fil-pajjiż qabel it-taxxa.
Dan wara reviżjoni li għamlet il-Eurostat, dwar ir-riżultati ekonomiċi tal-pajjiżi membri mill-1995 ’il quddiem.
Waqt li r-Renju Unit u l-Olanda huma mitluba joħorġu iktar flus, Franza u l-Ġermanja għandhom jirċievu ħlas biex ipattu għal kemm kienu mitluba jħallsu żejjed fis-snin li għaddew.
Il-Gvern Ingliż mill-ewwel iddeskriva din it-talba bħala “inaċċettabbli” u qed jiddiskuti mal-Olanda biex joġġezzjona.
Din it-talba ma tgħinx lill-Gvern ta’ Cameron li qed jiffaċċja pressjoni dejjem tikber dwar is-sħubija tal-pajjiż fl-UE hekk kif qed jiżdied l-appoġġ għall-UKIP.