Ir-Renju Unit milqut minn kesħa qawwija u silġ

Ir-Renju Unit bħalissa jinsab milqut minn kesħa qawwija hekk kif numru ta’ postijiet fit-tramuntana tal-pajjiż fosthom l-Iskozja u Wales huma miksija bis-silġ.
Numru ta’ postijiet fl-Iskozja jinsabu bla dawl.
It-tbassir tat-temp f’dawn istati qed ikompli jindika li mistenni jinżel mal-5cm ta’ silġ filwaqt li f’postijiet muntanjużi u esposti għall-elementi mistenni jinżel mal-20cm.
Dan il-maltemp fir-Renju Unit kien ikkawżat mill-maltempata Caroline li ġabet kesħa qawwija mill-Artiku.
It-temperaturi kesħin se jibqgħu jippersistu matul il-ġimgħa li ġejja b’numru ta’ uffiċċji meteoroloġiċi jbassru li l-Ħadd se tkun ġurnata oħra bis-silġ.
Dawn il-kundizzjonijiet ħżiena tat-temp fir-Renju Unit wasslu biex is-servizzi tal-ferrovija ġew sospiżi, kkanċellati jew kien hemm dewmien.
Numru ta’ titjiriet ġew ikkanċellati fil-gżejjer tal-Punent tal-Iskozja. L-iskejjel mistennija li jibqgħu magħlquin.