Ir-Renju Unit lest għall-relazzjoni mal-UE bħal tal-Awstralja

REUTERS/Fabrizio Bensch/File Photo

Ir-Renju Unit lest jitlaq mill-Unjoni Ewropea u jilħaq qbil fuq l-istess kundizzjonijiet tal-Awstralja jekk iż-żewġ naħat ma jaqblux fuq ftehim kummerċjali ġdid. Dan qalu l-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson lill-Angela Merkel tal-Ġermanja f’telefonata lbieraħ.

“Dwar ir-relazzjoni futura, il-Prim Ministru rrimarka l-impenn tar-Renju Unit biex jaħdem bis-sħiħ biex jintlaħaq ftehim malajr”, sostniet kelliema għal Downing Street.

“Huwa nnota wkoll li jekk ma jintlaħaqx qbil, ir-Renju Unit lesta titlaq ukoll mill-perjodu ta’ transizzjoni fuq termini li japplikaw bejn l-UE u l-Awstralja”.

L-Awstralja m’għandhiex ftehim kummerċjali komprensiv mal-UE, u l-kummerċ bejn iż-żewġ naħat ġeneralment isegwi r-regoli tipiċi tal-Organizzazzjoni Kummerċjali Dinjija. Madankollu jeżistu ftehimiet speċifiċi bejn iż-żewġ pajjiżi dwar ċertu prodotti.