Ir-Renju Unit joħroġ uffiċjalment mill-UE

Ir-Renju Unit telaq uffiċjalment mill-Unjoni Ewropea wara 47 sena, u tliet snin wara r-referendum.

Il-mument storiku seħħ f’nofsillejl ħin ta’ Malta u kien iddominat kemm minn ċelebrazzjonijiet kbar kif ukoll protesti.

Xemgħat ġew mixgħula fl-Iskozja fejn il-pajjiż ivvota biex jibqa’ fl-Unjoni Ewropea, waqt li dawk favur Brexit għamlu ċelebrazzjonijiet f’Parliament Square f’Londra.

Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson wiegħed li se jżomm il-pajjiż flimkien u jmexxih ‘il quddiem.

F’messaġġ fuq il-midja soċjali, siegħa qabel it-tlugħ mill-Unjoni Ewropea, il-Prim Ministru qal li għal ħafna nies dan kien mument straordinarju ta’ tama, mument li qatt ma ħasbu li se jasal.

Huwa qal li l-ikbar ħaġa importanti lbieraħ kienet li din ma kenitx it-tmiem iżda l-bidu ta’ ħaġa importanti. Hu ddeskriva dan il-mument bħala wieħed ta’ tiġdid nazzjonali u bidla.