Ir-Renju Unit jingħata ċ-ċans jitlob għal estensjoni oħra għal Brexit

REUTERS/Toby Melville

Read in English.

Ir-Renju Unit se jitħalla jitlob għal estensjoni oħra tal-perjodu ta’ Brexit skont Artiklu 50. Dan ħareġ mid-deċiżjoni li ħadu l-Membri Parlamentari Ewropej (MEPs) illum fi Strasburgu fejn jinsab preżenti wkoll Newsbook.com.mt.

Il-Parlament Ewropew (PE) illum iddiskuta mozzjoni ta’ reżoluzzjoni li qajmet dibattitu dwar kif se tkompli l-ħidma għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Din ir-reżoluzzjoni ġiet adottata mill-MEPs b’544 vot favur, 126 kontra u 38 astensjoni. B’hekk, l-MEPs qablu li l-Ftehim ta’ Ħruġ eżistenti huwa wieħed ġust, bilanċjat u jipprovdi ċertezza legali. Dwar l-estensjoni tal-perjodu ta’ Brexit, l-MEPs qed jitolbu li din tkun waħda ġustifikata u li turi skop speċifiku. Qalu li l-estensjoni m’għandhiex taffettwa l-ħidma u l-funzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-UE.

Waqt id-dibattitu, bosta MEPs insistew li l-Ftehim eżistenti jipproteġi d-drittijiet u l-għażliet personali taċ-ċittadini Ewropej u Ingliżi. Qalu li dan joffri mekkaniżmu biex jirregola l-ħlasijiet tal-obligazzjonijiet tar-Renju Unit. Il-Ftehim jipprovdi wkoll protezzjoni għall-Irlanda fejn anke jintlaħaq ftehim ta’ kooperazzjoni bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-Irlanda t’Isfel. L-Irlanda ta’ Fuq hija kompletament kontra Brexit. L-MEPs qalu li mhux se jaċċettaw l-ebda ftehim li ma jinkludix xi forma ta’ backstop.

Brexit bla ftehim responsabbiltà tar-Renju Unit

L-MEPs qalu wkoll li jekk ir-Renju Unit jiddeċiedi li joħroġ mill-UE mingħajr ftehim, se jkollu jsofri minn konsegwenzi serji. Ir-responsabbiltà taqa’ kollha fuqu. Il-Parlament enfasizza li jekk ma jkunx hemm ftehim, dan ma jfissirx li l-obbligi tal-pajjiż jaqgħu.

Iċ-ċittadini huma prijorità ewlenija

Matul id-dibattitu, bosta MEPs sostnew li l-akbar inkwiet tagħhom huma l-għexieren ta’ ċittadini Ingliżi li jaħdmu f’pajjiżi Ewropej, u dawk Ewropej li jaħdmu fir-Renju Unit. Brexit mingħajr ftehim se joħloq kaos għal dawn kollha. L-MEPs sostnew li l-protezzjoni tad-drittijiet u l-għażliet personali taċ-ċittadini Ewropej u dawk Ingliżi fl-Unjoni Ewropea hija ta’ prijorità. Huma appellaw ukoll lis-27 Stat Membru biex jipprovdu ċertezza legali liċ-ċittadini Ingliżi li jgħixu madwar l-Unjoni Ewropea.

Iċ-ċertezza liċ-ċittadini u l-intrapriżi Ewropej prijorità – Josianne Cutajar

Il-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar ddikjarat li l-prijorità tal-Unjoni trid tkun iċ-ċertezza u stabbilità taċ-ċittadini Ewropej. Cutajar, li vvutat favur ir-riżoluzzjoni, qalet li filwaqt li t-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni huwa ta’ swied il-qalb, f’dan l-istadju, il-prijoritajiet huma ċ-ċertezza legali liċ-ċittadini Ewropej li hemm jgħixu fir-Renju Unit, lill-intrapriżi li jimpurtaw u jesportaw minn u lejn ir-Renju Unit, u lill-konsumaturi madwar l-Ewropa.

Cutajar saħqet li f’dan l-istadju r-raġuni titlob li l-Parlament Ewropew ma jagħtix lok għat-tluq tar-Renju Unit mingħajr ftehim, li sfortunatament jidher li huwa l-għan tal-Gvern konservattiv Brittaniku. Cutajar fakkret kif l-istess Gvern Brittaniku ħa diversi deċiżjonijiet li jmorru kontra prinċipji demokratiċi.