Ir-Renju Unit jimponi sanzjonijiet ġodda fuq ir-Russi u l-Għarab

Is-Sanzjonijiet huma mmirati biex iwaqqfu l-ħasil ta’ “flus imċappas bid-demm”.

Read in English.

Ir-Renju Unit impona sanzjonijiet fuq 25 persuna Russa u 20 persuna mill-Arabja Sawdija nhar it-Tnejn, bħala parti minn miżuri għal wara l-Brexit, li skont Dominic Raab, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, huma mmirati biex iwaqqfu l-ħasil ta’ “flus imċappas bid-demm”.

Wara l-ħruġ tal-pajjiż mill-Unjoni Ewropea f’Jannar, il-Prim Ministru Boris Johnson irid ifassal irwol indipendenti ġdid għar-Renju Unit fi kwistjonijiet barranin u kummerċjali, u din kienet l-ewwel darba li Londra setgħet timponi l-iffriżar ta’ assi u l-projbizzjoni għall-ħruġ ta’ visa b’mod indipendenti.

Raab qed jinsisti għal sanzjonijiet aktar ħarxa u ppreżenta l-ewwel ismijiet fil-parlament, inkluż persuni ta’ nazzjonalità Russa li skont ir-Renju Unit kienu involuti fil-moħqrija u l-qtil tal-avukat Sergei Magnitsky u l-persuni Sawditi li huma akkużati bl-involviment fil-qtil tal-ġurnalista Jamal Khashoggi.

Ir-Russja qalet li se tirrispondi għall-miżuri l-ġodda. L-uffiċċju tal-midja u l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-gvern tal-Arabja Sawdija ma tawx risposta meta ntalbu li jagħtu kumment.

“Jekk inti persuna kleptokrata jew involuta fil-kriminalità organizzata, int mhux se tkun tista’ taħsel il-flus imċappsa bid-demm f’dan il-pajjiż,” Raab qal fil-parlament.

“Illum dan il-gvern … qed jibgħat messaġġ tassew ċar f’isem il-poplu Brittanniku, li dawk li għandhom idejhom imċappsa bid-demm, in-nies vjolenti u l-oppressuri, il-qattiela u d-dittaturi, mhux se jkunu jistgħu jidħlu fil-pajjiż faċilment biex jixtru l-proprjetà fuq King’s Road, biex jixtru r-rigali tal-Milied minn Knightsbridge, jew biex jirriċiklaw il-flus maħmuġin tagħhom permezz tal-banek Brittanniċi jew istituzzjonijiet finanzjarji oħra.”

Investituri mir-Russja, miċ-Ċina u mil-Lvant Nofsani ħallew biljuni f’Londra, fejn xtraw kollox minn propjetajiet lussużi sa kumpaniji sħaħ, imma bosta drabi organizzazzjonijiet li jaħdmu għat-trasparenza tefgħu dubji serji fuq is-sors ta’ dan il-ġid.

L-aktar isem prominenti huwa tar-Russu Alexander Bastrykin, li l-Kumitat Investigattiv tiegħu jirrapporta direttament lill-President Vladimir Putin.