Ir-Renju Unit jgħid li vaċċini oħra x’aktarx jitwaqqfu għal xi żmien ukoll

FILE PHOTO: REUTERS/Arnd Wiegmann/File Photo

Provi oħra biex jinstab vaċċin kontra l-COVID-19 x’aktarx li jitwaqqfu f’ċertu punt skont Patrick Vallance, il-Konsulent Xjentifiku Ewlieni tal-gvern Ingliż, li qal li din il-waqfa fit-testijiet tal-vaċċin ta’ AstraZeneca “mhix ideali” iżda huwa pass meħtieġ.

“Naħseb li għandna nistennew li f’uħud mit-testijiet l-oħra naraw sitwazzjonijiet fejn il-ħidma titwaqqaf, imbagħad terġa’ tibda,” qal Vallance matul konferenza stampa.

“Irridu nkunu ċerti li dawn il-vaċċini jkunu effettivi, li jaħdmu sew u li huma sikuri għall-bniedem,” kompla jgħid.

Il-kumpanija AstraZeneca ddikjarat li mara fir-Renju Unit kellha sintomi konsistenti ma’ problemi rari, imma serji, ta’ infjammazzjoni fl-ispina, li wasslu biex tittieħed id-deċiżjoni li jitwaqqaf l-istudju kliniku tal-vaċċin kontra l-coronavirus, skont rapport ta’ Stat News maħruġ nhar l-Erbgħa.

Il-parteċipanta kienet qed tirkupra u x’aktarx li se toħroġ mill-isptar illum stess, skont Stat News, li qalu li dikjarazzjonijiet ġodda mill-Kap Eżekuttiv ta’ Astra, Pascal Soriot, kienu mħabbra minn tliet investituri li pparteċipaw f’konferenzi bit-telefon.

Id-ditta, li hija rreġistrata Londra, nhar it-Tlieta qalet li se twaqqaf għal ftit żmien testijiet globali li qed isiru fuq il-vaċċin kontra l-COVID-19 wara komplikazzjonijiet dubjużi li żviluppaw f’parteċipant fl-istudju.

Nhar l-Erbgħa, rapport indipendenti mill-Financial Times innota li AstraZeneca setgħet terġa’ tibda t-testijiet fuq il-vaċċin esperimentali tagħha kontra l-virus il-ġimgħa d-dieħla, fejn ġew ikkwotati persuni li huma familjari mal-kwistjoni.

Ma kienx hemm rispons immedjat minn AstraZeneca għal talbiet biex il-kumpanija toħroġ kummenti rigward dan ir-rapport.

L-ishma tal-kumpanija għalqu 0.5% punt ogħla, b’rata ta’ 8,230 pence nhar l-Erbgħa. Dawn kienu niżlu ftit aktar kmieni fil-ġurnata, minħabba li dan il-waqfien fl-ittestjar deher bħala fattur negattiv għall-prospetti ta’ distribuzzjoni bikrija għal dan il-produttur tal-vaċċin, li huwa fost il-kanditati favoriti li jkollu suċċess.