Ir-Renju Unit jaġġorna l-lista tal-ivvjaġġar

REUTERS/Borja Suarez

Vjaġġaturi li jaslu fir-Renju Unit mis-Slovenja u l-Guadeloupe wara l-4:00 ta’ filgħodu nhar is-Sibt se jkollhom jiżolaw ruħhom għal ġimgħatejn.

L-Ingilterra, Wales, l-Iskozja u l-Irlanda ta’ Fuq qed jaħdmu flimkien u żiedu liż-żewġ pajjiżi fuq il-listi ta’ kwarantina tagħhom. 

Iżda kull min ġej lura mit-Tajlandja u minn Singapore mhux se jibqa’ jkun suġġett għal dawn ir-restrizzjonijiet. Wales, li neħħa lil Singapore mil-lista tal-kwarantina tiegħu x-xahar li għadda, issa se jneħħi wkoll lil Ġibiltà.

Is-Segretarju tat-Trasport Grant Shapps qal li dawn il-bidliet kienu meħtieġa biex ‘kulħadd jibqa’ sikur’.

Huwa żied jgħid: “Infakkru li l-vjaġġaturi li deħlin fir-Renju Unit (minn KWALUNKWE destinazzjoni) IRIDU jimlew formola li tindika l-lokalità tal-passiġġier skont il-liġi. Din hija ħaġa vitali għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tiżgura li dawk li għandhom jagħmlu dan qed jikkonformaw mar-regoli tal-iżolament.”

Fis-Slovenja, ir-rata tal-każijiet ta’ COVID-19 għal kull 100,000 persuna telgħet minn 14.4 għal 29.1 fil-ġimgħa li spiċċat fis-16 ta’ Settembru. L-aġenzija tal-aħbarijiet lokali STA qalet li nhar it-Tlieta kienet il-ġurnata meta kien hemm it-tieni l-ogħla żieda fil-każijiet mill-bidu tal-pandemija.

U fil-Guadeloupe, kien hemm żieda f’daqqa ta’ 558% fir-rata ta’ infezzjonijiet għal kull 100,000 persuna matul dawn l-aħħar tliet ġimgħat.