Familji fir-Renju Unit se jkunu jistgħu jiltaqgħu ma’ żewġ familji oħra għal ħamest ijiem fil-Milied skont ftehim li sar mill-Gvern.
Bejn it-23 u s-27 ta’ Diċembru, ir-restrizzjonijiet tal-coronavirus fuq id-djar se jitneħħew fl-erba’ pajjiżi, u dan se jippermetti li tlett idjar jiffurmaw “bużżieqa” tal-Milied flimkien.
Boris Johnson oriġinarjament kien qed jittama li l-familji jitħallew jiltaqgħu flimkien għal ġimgħa, imma kellu jillimita l-pjanijiet wara oppożizzjoni mill-mexxejja tal-Iskozja u Wales, skont rapport ta’ The Telegraph.
Nhar it-Tlieta filgħaxija, il-Prim Ministru qal li l-miżuri kienu jfissru li l-familji madwar ir-Renju Unit setgħu jerġgħu jiltaqgħu, imma rrikonoxxa li dawn ma kienux se jfissru “Milied normali”. Hu ġeħħeġ lil kulħadd jeżerċita “diskrezzjoni personali”, l-aktar meta jkunu qed jiddeċiedu li jżuru qrabat anzjani.
F’vidjo li nħareġ fuq l-account ta’ Twitter tiegħu, is-Sur Johnson qal: “Dażgur dan ifisser li din is-sena l-Milied se jkun differenti. Bosta minna jixtiequ li jqattgħu żmien mal-familja u l-ħbieb, irrispettivament mit-twemmin u t-trobbija tagħna, imma ma nistgħux nitilfu kollox issa.”