Ir-Renju Unit biċ-ċans li jsib lura ma’ wiċċu proposti għall-Brexit

In-negozjant f’isem L-UE għal Brexit qal lir-Renju Unit li jekk mhux se jtejjeb il-kundizzjonijiet proposti għall-persuni mill-UE, aktarx se jsib il-ftehim lura ma’ wiċċu, irrifjutat.
Guy Verhofstadt, flimkien mal-mexxejja ta’ 4 gruppi parlamentari ewlenin, qal fil-Parlament Ewropew li l-pjan tar-Renju Unit joffri inqas drittijiet lill-persuni mill-UE li jkunu jgħixu fil-pajjiż. Huwa ddeskriva l-proposti bħala sufarelli nedjin.
Intant, il-PM Brittanniku, Theresa May, qalet li l-gvern se jiggarantixxi d-drittijiet bażiċi kollha lill-Ewropej, iżda saħqet li dawn id-drittijiet mhux se jibqgħu aktar protetti mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.
Madwar tliet miljun ċittadin tal-UE se jkunu qed jgħixu fir-Renju Unit wara l-Brexit, u skont il-pjan dawk li jkunu ilhom 5 snin jgħixu fir-Renju Unit ikollhom l-istess drittijiet bħaċ-ċittadini Brittanniċi, anki l-aċċess għas-servizz tas-saħħa.
Iżda xi Ewroparlamentari jibżgħu li mhux kollox ward u żahar.
Qalu li hemm inċertezza dwar xi stat se jkollhom trabi ċittadini Ewropej imwielda fir-Renju Unit wara l-Brexit, filwaqt li semmew kif l-Ewropej se jitilfu d-dritt li jivvutaw fir-Renju Unit, u kif qrabathom se jintalbu minimu ta’ dħul finanzjarju biex ikunu fil-pajjiż.
L-Ewroparlamentari saħqu li dan iġib ir-riskju li jinħolqu ċittadini tat-tieni klassi.