Ir-relikwa ta’ Patri Piju f’Ruma u l-Vatikan il-ġimgħa d-dieħla

Ir-relikwi ta’ San Patri Piju ta’ Pietrelcina u tal-Kroat San Leopold Mandic, se jittieħdu f’Ruma u fil-Belt tal-Vatikan il-ġimgħa d-dieħla fl-okkażjoni speċjali tal-Ġublew tal-Ħniena.
Il-Vatikan ikkonferma li l-urni bir-relikwi se jittieħdu fil-knisja ta’ San Lorenzo Fuori Le Mura f’Ruma nhar l-Erbgħa, bi programm sħiħ ta’ talb, inkluż Viġili mal-lejl, u fejn se jibqgħu esposti għal jumejn.
Il-Ġimgħa mbagħad, l-urni se jittieħdu lejn il-Belt tal-Vatikan fejn jiġu akkumpanjati minn purċissjoni tul Via della Conciliazione sal-Bażilika ta’ San Pietru fejn se jinżammu esposti sal-għada ta’ Ras ir-Randan.
F’Ras ir-Randan ukoll, il-Papa Franġisku se jkun qed jinnomina lill-Missjunarji tal-Ħniena – saċerdoti magħżula minnu li jingħataw mandat biex juru l-ħniena t’Alla permezz tal-maħfra ta’ dnubiet li normalment iridu jingħataw l-assoluzzjoni mill-Papa nnifsu.
Il-Vatikan ħabbar li dawn il-Missjunarji speċjali jgħoddu iktar minn 1,000 u ġejjin minn pajjiżi differenti fosthom minn Mjanmar, mil-Libanu, miċ-Ċina, mill-Emirati Għarab Magħquda, mill-Iżrael, mit-Tajlandja u mill-Eġittu. Fosthom hemm ukoll saċerdoti tar-rit Orjentali.
Attivitajiet oħra speċjali għal dan il-Ġublew, imħabbra mill-Vatikan, jinkludu dawk li qed jissejħu bħala l-Udjenzi tal-Ġublew li se jsiru darba fix-xahar nhar ta’ Sibt, minbarra l-Udjenzi Ġenerali ta’ nhar t’Erbgħa.