“Illum ir-reliġjonijiet kollha jappoġġjaw lill-Papa” – Prof. Impagliazzo

Il-President tal-Komunità San Egidion jiddeskrivi l-Papa Franġisku bħala 'champion' tal-paċi

Il-Professur Marco Impagliazzo, President tal-Komunità ta’ Sant’Egidio, temm id-diskors li għamel fil-Konferenza Internazzjonali dwar il-Fraternità Umana li saret f’Abu Dhabi nhar it-Tnejn fil-preżenza tal-Papa Franġisku, b’dikjarazzjoni li “llum il-Papa hu l-mexxej dinji fil-kawża għall-paċi u li llum ir-reliġjonijiet kollha huma warajh jappoġġjaw l-isforzi tiegħu għall-paċi.”

Il-Komunità ta’ Sant’Egidio li hi bbażata f’Ruma taħdem bla waqfien biex tippromwovi d-djalogu interreliġjuż f’dak li hu magħruf bħala “l-Ispirtu ta’ Assisi.”

Għall-imsemmija konferenza barra miż-żewġ mexxejja l-Papa Franġisku u Ahmed al Tayeb il-Grand Imama ta’ Al-Ahzar, kienu preżenti għexieren ta’ mexxejja reliġjużi u studjużi ta’ reliġjonijiet differenti li ddiskutew il-fidi u r-reliġjonijiet matul il-jumejn tal-konferenza. Fost dawn kien hemm rappreżentanti tad-denominazzjonijiet kollha tal-insara, Musulmani, Lhud, Hindus, Buddisti u Sikhs kif ukoll rappreżentanti tal-Bahai u Zoroastrian.

Fid-diskors tiegħu li kien rappurtat mill-aġenzija Vatican News, il-Professur Impagliazzo appella lill-persuni kollha ta’ rieda tajba biex bla biża’ ta’ xejn jaħdmu għall-paċi. Hu sostna li Alla ma jabbandunax lid-dinja għal-loġika tal-vjolenza imma jsalvana u jimmultiplika l-isforzi li nagħmlu għall-paċi meta nersqu lejh bit-talb tagħna.

Impagliazzo qal li l-Grand Imam ta Al-Ahzar kellu rabtiet kbar mal-Komunità ta’ Sant’Egidio u jimxi ma’ membri tal-Komunita “fl-Ispirtu ta’ Assisi.”

L-Ispirtu ta’ Assisi

L-Ispirtu ta’ Assisi nibet minn idea kbira tal-Papa San Ġwanni Pawlu II li fl-1986 kien laqqa’ 70 rappreżentant tal-akbar reliġjonijiet f’Assisi, il-belt ta’ San Franġisk. “Ġwanni Pawlu II kien xtaq li talba waħda għall-paċi tkun offrut lil Alla minn ħafna qlub u f’diversi lingwi.”

L-Ispirtu ta’ Assisi għadu ħaj u jaħdem għad-djalogu għall-paċi bejn ir-reliġjonijiet. Il-Komunità ta’ Sant’Egidio, flimkien mal-Kunsill tal-Kbar li jmexxi l-Grand Imam, Ahmad al Tayeb, hi impenjata biex tirrikonċilja l-kulturi tal-Lvant u l-Punent, partikolarment dawk bejn il-Punent u l-Iżlam.

Il-Professur Impagliazzo, ddeskriva l-Konferenza ta’ Abu Dhabi bħala “avveniment fundamentali għall-paċi” u turi li bħalissa “kull reliġjon trid tkun alleata ta’ reliġjonijiet oħra. L-iżolament tar-reliġjonijiet ma jiswa għal xejn għax hemm bżonn li r-reliġjonijiet kollha jkun impenjati bis-serjetà favur il-paċi.”