Ir-Reliġjonijiet il-kbar jaħdmu flimkien għall-ġid tal-umanità

Logos tal-akbar Reliġjonijiet fid-dinja li qed jaħdmu flimkien għall-ġid komuni

Madwar 900 mexxej reliġjuż, 100 rappreżentant ta’ gvernijiet u tas-soċjetà ċivili, żgħażagħ u nisa minn aktar minn 125 pajjiż, bejn l-20 u t-23 ta’ dan ix-xahar iltaqgħu biex jiddiskutu t-tema: Il-Kura tal-Futur Komuni Tagħna – Inkabbru u naqsmu l-ġid”.

Din kienet l-għaxar Assemblea Dinjija tal-organiżazzjoni “Reliġjonijiet għall-Paċi li hi l-akbar laqgħa multi-reliġjuża rappreżentattiva li saret fil-belt ta’ Lindau fil-Ġermanja fejn il-parteċipanti kkommettew ruħhom li jieħdu azzjoni komuni għall-ġid tal-umanità.

Kull 5 jew 7 snin, din l-organiżazzjoni tlaqqa’ Assemblea Mondjali bl-isklp li ssib qbil morali għall-isfidi kontemporanji u ssir ħidma multi-reliġjuża fost il-membri u ‘l hinn.

Kwestjonijiet dwar il-futur komuni

Il-laqgħa ta’ din is-sena ntemmet b’dikjarazzjoni li fiha, l-parteċipanti għan-nom tal-komunitajiet u l-gruppi li jirrappreżentaw impenjaw ruħhom li jġibu ‘l quddiem l-ġid komuni billi jipprevjenu jew jibdlu l-kunflitti vjolenti u jippromwovu soċjetà ġusta, ixettlu żvilupp integrali uman sostenibbli u jipproteġu l-pjaneta.

F’termini konkreti l-mexxejja tar-reliġjonijiet il-kbar wegħdu li jġibu ‘l quddiem ir-rwol tan-nisa fil-preventzjoni tal-kunflitti, li jikkumbattu l-vjolenza fuq in-nisa u jaħdmu għall-ġid tal-emigranti u r-refuġjati.

Il-laqgħa rrisolviet ukoll li tqajjem kuxjenza pubblika dwar il-qirda tal-foresti, tieħu azzjoni kontra t-tidil fil-klima u tmexxi ‘l quddiem politika li tipproteġi l-ħolqien. F’dan ir-rigward “Reliġjonijiet għall-Paċi” ħeġġet lill-komunitajiet reliġjużi biex jinvestu r-riżorsi tagħhom biex jintlaħqu l-Miri ta’ Żvilupp Sostenibbli u jgħinu fil-Kampanja Internazzjonali għall-Abolizzjoni tal-Armi Nukleari.

Fost azzjonijiet oħra l-parteċipanti wegħdu li jagħmlu atti pubbliċi ta’ maħfra u rikonċiljazzjoni u jipproduċu materjal favur il-paċi u jorganizzaw ‘workshiops’ multi-reliġjużi. Huma wrew tħasib dwar il-gwerer, il-faqar, ir-refuġjati u l-emigranti, it-tellieqa tal-armamenti u l-bdil fil-klima li jpoġġu piż kbir fuq il-familja umana.

Fil-ħidma tagħhom favur id-drittijiet umani, il-membri rrisolvew li jikkultivaw is-solidarjetà billi jxettlu virtujiet bħalma huma l-ħniena, il-kumpassjoni u l-imħabba li huma komuni għar-reliġjonijiet kollha u għal kull twemmin.

Il-membri ta’ “Reliġjonijiet għall-Paċi” li jqisu lilhom infushom bħala ‘alleanza ta’ kura, kumpassjoni u mħabba’, esprimew ringrazzjament għad-49 sena ta’ ħidma determinata b’risq il-paċi u b’risq dawk l-aktar fil-bżonn.

Mara fit-tmexxija

Kwart tal-parteċipanti fil-laqgħa tal-ġimgħa li għaddiet kienu nisa. Madankollu ħafna lmentaw min-nuqqas ta’ parita filwaqt li enfasizzaw ir-rwol importanti tal-mara fit-tfittxija għal-paċi.

Għall-ewwel darba fl-istorja ta’ din l-organiżazzjoni, hemm mara fit-tmexxija. Din hi Dr. Azza Karam li kienet eletta unanimament bħala Segretarja Ġenerali ta’ “Reliġjonijiet għall-Paċi.aħdmu flim