Ir-Reliġjon m’hix biss għas-sagristija

Il-Papa jkellem lill-Isqfijiet fil-Madagascar u jisħaq fuq id-dritt tal-Knisja li titkellem fuq dak kollu li jolqot lill-bniedem

Ir-reliġjon m’hix biss għas-sagristija u l-Knisja għandha d-dritt u d-dmir titkellem fuq dak kollu li jolqot l-iżvilupp sħiħ ta’ kull bniedem.

Din id-dikjarazzjoni għamilha l-Papa Franġisku f’laqgħa li kellu mal-Isqfijiet waqt iż-żjara li għamel fil-Madagascar fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet bħala parti mill-vjaġġ apostoliku fi tliet pajjiżi Afrikani.

Il-Papa fakkar lill-Isqfijiet li meta qed jiżirgħu l-fidi, jridu jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-poplu f’din il-ħajja – speċjalment il-fqar -u mhux jippreparawhom biss għall-eternità.

Il-laqgħa mal-Isqfijiet saret fil-Katidral ta’ Andohalo. Hu rrimarka li dawn l-Isqfijiet qed jaqdu l-missjoni tagħhom f’art ta’ kontradizzjonijiet li għandha tradizzjoni li tirrispetta l-ħajja u d-dinjità tal-persuna umana – imma hemm ukoll inugwaljanza u korruzzjoni. Għalhekk il-ħidma tagħhom hi diffiċli.

“Aħna l-Isqfijiet, bħall-bidwi, imsejjħa biex nifirxu ż-żerriegħa tal-fidi u t-tama f’din id-dinja. Biex nagħmlu dan irridu niżvilupp is-“sens tax-xamm” li jgħinha nagħrfu b’mod aktar ċar dak li jfixkel u jagħmel ħsara lil dak li niżirgħu”, qal il-Papa.

Dritt jitkellmu fuq dak li jolqot lill-bniedem

Għalhekk, il-Mexxejja tal-Knisja, filwaqt li jqisu l-kontribut tax-xjenzi differenti, għandhom id-dritt li joffru opinjonijiet fuq l-aspetti kollha tal-ħajja tal-bniedem għax l-evanġeliżazzjoni timplika u titlob il-promozzjoni integrali tal-persuna umana. M’għadux aktar possibbli li xi ħadd jgħid li r-reliġjon għandha titħalla għall-qasam privat u teżisti biss tħejji lill-erwieħ għall-ġenna.

“Aħna nafu li Alla jrid li uliedu jkunu ferħana f’din id-dinja wkoll anke jekk huma jilħqu l-milja tagħhom fl-eternità, għax hu ħalaq kollox “biex ingawduh aħna” biex igawdih kulħadd. Għalhekk il-konverżjoni nisranija titlob li nanalizzaw dawk l-oqsma u aspetti tal-ħajja ‘li għandhom x’jaqsmu mal-ordni soċjali u t-tfittxija tal-ġid komuni’.

“Għalhekk ħadd ma jista’ jgħid li r-reliġjon għandha tkun relegate għall-ġewwieni tal-ħajja personali, bla ma tinfluwenza l-ħajja tas-soċjetà u tan-nazzjon, u ma jimpurtahiex li jkun hemm istituzzjonijiet ċivili b’saħħithom u bla ma jkollha dritt toffri opinjoni dwar affarijiet li jolqtu s-soċjetà”.

Ħajja dinjituża għal kulħadd

Il-Papa Franġisku enfasizza l-bżonn li nassiguraw ħajja dinjituża għal kull persuna u l-ġid u l-prosperità temporali b’mod ġenerali.  Hu fakkar fl-Evangelii Gaudium li tisħaq fuq id-dritt ta’ kulħadd għall-edukazzjoni, kura tas-saħħa u xogħol.

“Id-difiża tal-persuna umana hi aspett ieħor tar-responsabbiltà pastorali tagħna”, qal il-Papa. Biex inkunu mexxejja skont il-qalb t’Alla irridu nkunu aħna l-ewwel li nippriedkaw l-Evanġelju lill-fqar.

“Fi kliem ieħor, aħna għandna d-dover li nipproteġu u nkunu qrib il-fqir, l-emarġinat u ż-żgħir, qrib tat-tfal u l-persuni vulnerabbli, qrib il-vittmi tal-esplojtazzjoni u l-abbuż”, temm jgħid il-Papa Franġisku lill-Isqfijiet tal-Madagascar.