Ir-reliġjon m’għandhiex tkun kriterju għaċ-ċittadinanza

Rally ta’ protesta li sar fit-28 ta’ Diċembru fl-Indja kontra l-abbozz li jemenda l-Liġi taċ-Ċittadinanza

Sa mid-9 ta’ Diċembru saru diversi protesti  u kien hemm inċidenti ta’ vjolenza kontra liġi li tippermetti lill-minoritajiet li m’humiex Musulmani mill-Pakistan, il-Bangladesh u l-Afghanistan li ilhom jgħixu fl-Indja minn qabel l-2015, biex jiksbu ċittadinanza Indjana.

“Ir-reliġjon ma għandhiex tkun kriterju biex wieħed jikseb ċittadinanza ta’ pajjiż. Il-vjolenza mhux soluzzjoni meta jkun hemm differenzi ta’  opinjoni”. Dan qalu l-Kardinal Oswald Gracias, Arċisqof ta’ Bombay nhar il-Ġimgħa li għadda meta tkellem dwar il-kontroversja u l-protesti li qed ikun hemm fil-pajjiż dwar il-Liġi taċ-Ċittadinanza.

Il-Musulmani jiffurmw aktar minn 14% tal-popolazzjoni Indjana.  Kritiċi tal-Gvern qed isostnu li l-esklużjoni tal-Musulmani milli jiksbu ċ-ċittadinanza hi diskriminatorja għax l-għotja taċ-ċittadinanza bażata fuq ir-reliġjon hi attakk fuq il-Kostitutzzjoni sekulari tal-pajjiż.

Protesti

“Il-kontroversja li għaddejja u l-d-demostrazzjonijiet u l-protesti li qed isiru dwar l-emendi għal-Liġi taċ-Ċittadinanza qed joħolqu ansjeta fost iċ-ċittadini kollha u jistgħu jagħmlu ħsara lill-pajjiż”, sostna l-Kardinal Gracias li hu wkoll President tal-Konferenza Episkopali Indjana. Din id-dikjarazzjoni tpoġġiet ukoll fuq is-sit eletroniku tal-arċidjoċesi.

“Hemm il-periklu, li jkun hemm polariżazzjoni fost il-poplu a bażi tar-reliġjon u dan ikun ta’ ħsara kbira għall-pajjiż”, wissa’ l-Kardinal.

Ħafna studenti Musulmani, gruppi li m’humiex Hindu u Hindu intellettwali qed jieħdu sehem fil-protesti kontra din illiġi kontroversjali. Xi mexxejja Kattoliċi ingħaqdu magħhom u kienu arrestati.

Djalogu

Mill-anqas 25 persuna nqatlu u eluf oħra sfaw feruti fil-protesti li qed isiru madwar il-pajjiż kollu.

Il-Kardinal Gracias issuġerixxa li l-Gvern jiftaħ djalogu ma’ “dawk li qed jopponu l-Liġi u jaslu fi ftehim dwar x’għandu jsir b’ġustizzja u ekwita. Ma hemmx ħsara billi wieħed jerġa’ lura u jibdel it-triq jekk ikun meħtieġ għall-ġid tal-pajjiż u tal-poplu.”

“Żmien il-festi tal-Milied hu żmien ta’ paċi,ġustizzja u għaqda. Il-valuri li Alla ta’ lill-umanità fil-grotta ta’ Betlehem għandu jirrenja suprem fil-qlub u l-imħuħ tan-nies f’dawn iż-żminijiet,, temm  jgħid il-Kardinal