“Ir-relevanza tal-ħajja reliġjuża qiegħda tnin” – Mons. Grech

Ir-relevanza tal-ħajja reliġjuża qiegħda tnin skont l-Amministratur Appostoliku għal Għawdex il-Mons. Mario Grech.

Fil-messaġġ tiegħu lir-Reliġjużi maskili f’Dar Stella Maris fiż-Żebbuġ, fil-Festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl, tkellem dwar il-ħajja reliġjuża f’Malta. Hu spjega li n-nies tapprezza lir-reliġjużi aktar għax-xogħlijiet li jagħmlu milli għal dak li huma.

Spejga kif xi drabi xi wħud jagħtu l-impressjoni li l-ħajja reliġjuża hija għalihom u mhux bil-kontra. Qal li wieħed għandu jitħasseb meta jkun hawn min jgħid li l-ħajja reliġjuża għaddejja minn “enemija evanġelika”.

Mons. Grech qal li biex il-ħajja reliġjuża tkun damma ta’ ġrajjiet li jqanqlu interess u skandlu (fis-sens pożittiv tal-kelma), jipproponi eżami ta’ kuxjenza personali u komunitarju fuq żewġ punti.

Dawn huma:

  1. “Il-ħajja reliġjuża għandha l-fundament tagħha fil-Vanġelu. Meta ngħidu r-reliġjużi nkunu qegħdin nirreferu għal dawk li nnamraw minn Ġesù Kristu kif jippreżentawh il-Vanġeli. Il-bidu tas-sejħa reliġjuża huwa dik il-laqgħa personali ma’ Ġesù. Għaldaqstnat huwa possibbli li għal xi wħud il-ħajja reliġjuża ma tkunx bdiet dakinhar tal-professjoni imma forsi żmien wara… meta wieħed jilqa’ l-grazzja ta’ din il-laqgħa ma’ Ġesù. Aktar ma naraw reliġjużi appassjonati għal Ġesù, aktar ir-reliġjużi jkunu konvinċenti.”

  2. “Imbagħad irridu nżommu quddiem għajnejna li dik il-laqgħa ma’ Ġesù li kellhom il-fundaturi, liema laqgħa welldet ordnijiet reliġjużi kbar anki f’pajjiżna, seħħet f’kuntest storiku partikulari. Din il-forma storika mhix waħda dejjiema mnaqqxa fil-bronż. L-istorja hija dinamika u għalhekk dejjem tinbidel. Il-kariżma tal-istitut tibqa’, imma l-espressjoni tagħha tieħu forom storiċi li jinbidlu maż-żmien. Inkella nirriskjaw li ninqatgħu mid-dinja. Meta dan l-aġġornament huwa nieqes, hemm il-periklu li ma nikkomunikawx mal-oħrajn. Jekk ma nkunux aħna li nagħmlu dan l-adattament tal-ħajja reliġjuża għaż-żmien tal-lum, inkunu aħna stess li b’idejna nagħmlu t-tebut. Ma nistgħux ma nirrikonoxxux li qed ngħixu f’era postmoderna, tant li hemm min jgħid li l-postmoderniżmu huwa imperattiv kulturali. Dan kollu għandu impatt fuq il-mudell tradizzjonali tal-ħajja kkonsagrata reliġjuża. Ma nistgħux nibqgħu nħallu għal darb’oħra proċess ta’ dixxerniment ekkleżjali biex naraw xi jrid jgħidilna l-Ispirtu s-Santu f’dawn iċ-ċirkustanzi.”

Hu temm jgħid li bħalissa qegħdin fis-sena ddedikata għar-riflessjoni, it-talb u l-azzjoni dwar il-vokazzjonijiet. Insista li r-raġuni tan-nuqqas ta’ vokazzjonijiet għall-ħajja reliġjuża mhux bilfors hija tort taż-żgħażagħ li ma jridux ikunu jafu; “wisq probabbli dan huwa wkoll ħtija tagħna, għax mhux qed jirnexxilna nagħmlu l-ħajja reliġjuża “ġrajja” li tkun kapaċi li, kif ġara fil-każ ta’ San Pawl fit-triq ta’ Damasku, twaqqaf lill-bniedem għaddej fuq iż-żiemel bla lġiem, twaqqgħu fl-art, tgħinu jintebaħ li hu għami u tgħinu jiltaqa’ ma’ Ġesù, id-dawl il-ġdid.”