“Ir-regoli li daħħal Ian Borg qatlu lil Miriam Pace” – Repubblika

Miguela Xuereb

Read in English.

L-NGO Repubblika sostniet li r-regoli li daħħal il-Ministru Ian Borg fejn jidħol l-iżvilupp u l-infrastruttura fil-pajjiż waslu sabie qatlu lil Miriam Pace.

Fi stqarrija l-NGO sostniet li Ian Borg għandu jassumi r-responsabbiltà politika ladarba “daħħal regolamenti li flok taw serħan il-moħħ, qatlu mara innoċenti”. L-għaqda sostniet li “ma jistax ikun li l-gvern qatt ma jassumi responsabbiltà għall-fallimenti tiegħu, anke meta jkollhom konsegwenzi fatali. Għaldaqstant Repubblika talbet għat-tneħħija immedjata ta’ Ian Borg minn Ministru.

Qalet li d-dritt fundamentali ta’ kulħadd għall-ħajja ifisser li l-gvern għandu obbligu legali u kostituzzjonali li jieħu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex jipproteġi lil kulħadd. Qalet li l-Gvern falla milli jagħmel dmiru.

Repubblika ħajret liċ-ċittadini kollha sabiex jieħdu sehem fil-protesta li se tkun qed issir nhar is-Sibt minn Moviment Graffitti. Repubblika qalet ukoll li se tissapportja l-proposti ta’ Moviment Graffitti. Hi awgurat li sakemm dawn il-proposti jkunu kkunsidrati, jitwaqqaf u jitneħħa l-periklu għal dawk il-persuni li jgħixu jew jaħdmu biswit siti kbar ta’ kostruzzjoni inkluż b’moratorju fuq it-tħaffir u t-twaqqigħ.

Repubblika sostniet li l-gvern għadu s’issa ma ħa ebda miżura biex jipproteġi l-ħajja ta’ min jgħix fi djar f’din iċ-ċirkostanza perikoluża. Qalet li l-gvern irrifjuta li jordna li jieqfu dawn ix-xogħolijiet minkejja li ammetta li r-regoli ta’ Ian Borg jeħtieġu jinbidlu mill-qiegħ. Sostniet li se tkun qed iżżomm lill-prim ministru responsabbli għal kull mewt, korriment u ħsara li tista’ ssir peress li qed iħalli fis-seħħ liġijiet u regolamenti li hu stess qed jiddikjara li m’humiex tajbin u jeħtieġ jinbidlu.