Ir-Reġina Eliżabetta tirringrazzja lill-professjonisti fil-qasam tas-saħħa

FILE PHOTO: Victoria Jones/PA Wire/Pool via REUTERS

Read in English.

Ir-Reġina Eliżabetta tar-Renju Unit nhar it-Tlieta bagħtet messaġġ ta’ “apprezzament u ringrazzjament” lill-professjonisti kollha li jaħdmu fil-kura tas-saħħa madwar id-dinja, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tas-Saħħa.

“Nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li jaħdmu fil-professjoni tas-saħħa għall-impenn ġeneruż tagħkom u għad-dedikazzjoni tagħkom hekk kif qed twettqu ħidma kritika biex tipproteġi u ttejbu s-saħħa u l-benesseri ta’ ħaddieħor,” qalet ir-Reġina fil-messaġġ tagħha.

Id-diskors tar-Reġina ntwera permezz ta’ vidjo rilaxxat fuq il-profil tal-Familja Rjali fuq Twitter, li wera immaġini tar-Reġina u ta’ membri oħra tal-familja tagħha waqt żjara fi sptar u laqgħa li kellhom ma’ tobba u infermiera. 

Fil-vidjo pparteċipaw tlieta minn ulied ir-Reġina – il-Prinċep Karlu u martu Camilla, il-Prinċipessa Anna u l-Prinċep Edward. Dehru wkoll in-neputi tar-Reġina, il-Prinċep William flimkien ma’ martu Kate Middleton.

“F’dawn iż-żminijiet tant diffiċli, aħna spiss nosservaw l-aqwa kwalitajiet tal-bnedmin; id-dedikazzjoni lejn is-servizz ta’ numru kbir ta’ infermiera, midwives u persuni oħra li jaħdmu fil-kura tas-saħħa, f’dawn iċ-ċirkostanzi li jippreżentaw sfidi daqstant kbar, huwa eżempju għalina lkoll,” qalet.

“Jiena u l-familja tiegħi nixtiequ nesprimu l-apprezzament infinit tagħna, u l-aqwa xewqat lilkom kollha,” kompliet tgħid ir-Reġina.

Ir-Reġina, li għandha 93 sena, qed tgħix fil-Kastell tagħha ta’ Windsor, flimkien ma’ żewġha l-Prinċep Philip, li għandu 98 sena. Nhar il-Ħadd li għadda, ir-Reġina kkomunikat mal-poplu tar-Renju Unit permezz ta’ xandira rari fuq it-televiżjoni, fejn qalet li l-pajjiż jista’ jirbaħ il-pandemija tal-coronavirus jekk kulħadd jibqa’ f’daru matul il-lockdown. 

Hi fakkret l-ispirtu tal-poplu matul il-gwerra meta qalet “żgur li nerġgħu niltaqgħu” – riferenza diretta għall-aktar kanzunetta Brittannika famuża mis-snin erbgħin, li kienet tindaqq matul il-gwerra.

Il-Prinċep Karlu, ta’ 71 sena, irkupra wara li kellu sintomi ħfief tal-virus, u fetaħ sptar fuq il-post f’Londra permezz ta’ link minn daru fl-Iskozja nhar il-Ġimgħa.