Ir-Reġjun tan-Nofsinhar joħloq fond għal proġetti favur persuni b’diżabilità

L-14-il Kunsill Lokali li jiffurmaw ir-Reġjun tan-Nofsinhar se jipparteċipaw fi skema li tiffinanzja inizjattivi favur persuni b’diżabilità.
Il-President tar-Reġjun Jesmond Aquilina spjega kif ir-Reġjun se jalloka €50,000, li se tinqasam bejn l-14-il Kunsill Lokali fir-reġjun skont in-numru ta’ persuni b'diżabilità rreġistrati mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità fil-lokalitajiet tagħhom.
Peress li ċertu lokalitajiet huma wisq żgħar ikkumparat ma’ lokalitajiet ikbar fir-reġjun, ġie deċiż li l-inqas ammont ta’ flus li Kunsilli jistgħu jirċievu huwa ta’ €1,000.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo qal li huwa ta’ diżappunt li l-Kunsill Nazzjonali Persuni b’Diżabilità fetaħ 36 każ ta' diskriminazzjoni kontra l-Kunsilli Lokali, li 34 minnhom kienu dwar aċċessibilità fiżika.
Buontempo qal li meta l-kunsilli jaħdmu f’ambitu ta’ reġjun isiru aktar effettivi u effiċjenti għax permezz tal-qsim tal-ideat u riżorsi jkunu jistgħu jieħdu ħafna aktar inizjattivi favur il-komunitajiet tagħhom milli jekk jaħdmu għal rashom.

Ritratt: DOI – Clifton Fenech