Ir-reġjun tal-Katalunja jista’ jispiċċa bla awtonomija

Il-Prim Ministru Spanjol, Mariano Rajoy qal li dikjarazzjoni ta’ indipendenza mir-reġjun tal-Katalunja mhu se jkollha l-ebda effett, għax qed jibqa’ jinsisti li r-referendum kien wieħed illegali.
F’intervista li għamel mal-ġurnal El Pais, Rajoy ma ċaħadx li jekk l-affarijiet jibqgħu kif inhuma, ikun lest jissosspendi l-awtonomija li bħalissa jgawdi dan ir-reġjun.
Intant, aktar kmieni, eluf ta’ persuni niżlu fit-toroq f’diversi bliet Spanjoli, jħeġġu għall-għaqda.
Fir-referendum kontroversjali tal-Ħadd li għadda, mit-43% tal-Katalani li vvutaw, 90% għażlu l-indipendenza.
Fir-reġjun Katalan jgħixu mas-7.5 miljun persuna iżda vvuttaw biss 2.3 miljun.
Apparti minn hekk, madwar 900 persuna weġġgħu fi ġlied li nqala’ matul il-jum tal-votazzjoni mal-Pulizija Spanjola.