“Ir-reġistrazzjoni, liċenzjar u klassifikazzjoni tal-kuntratturi huma neċessarji” – KTP

Il-Kamra tal-Periti laqgħet l-aħbar tal-Ministru Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari Chris Agius dwar it-twaqqif ta’ sistema għar-reġistrazzjoni tal-kuntratturi li se tidħol fis-seħħ nhar l-Erbgħa. Il-Kamra tenniet li s-sigurtà fuq is-siti tal-kostruzzjoni trid tiġi l-ewwel u r-reġistrazzjoni, l-liċenzjar u l-klassifikazzjoni tal-kuntratturi huma essenzjali sabiex ikun żgurat li l-kuntratturi jingħataw t-taħriġ meħtieġ u li jkollhom il-ħiliet suffiċjenti biex jiġu mtejba kemm il-kwalità tax-xogħol, kif ukoll is-sigurtà fuq is-siti tal-kostruzzjoni.

Fi stqarrija, il-Kamra spjegat li kien ilha tagħmel talba għal sistema tat-tip mill-2007, liema talba ġiet imtennija fl-aħħar ġimgħat wara l-introduzzjoni tal-Avviż Legali 136 dwar l-Evitar ta’ Ħsara lil Propjetà ta’ Terzi. Qalet li d-diskussjonijiet dwar il-proposti tagħha għadhom għaddejjin mal-Gvern bil-għan li jidħlu fis-seħħ iktar tard din is-sena.

Aqra: Nuqqas ta’ ċarezza fir-regolamenti mħabbra mill-Ministru – KTP

“Hemm bżonn jinbidlu punti fl-Avviż Legali”

Il-Kamra tal-Periti semmiet kif fl-Avviż Legali hemm numru ta’ punti li hemm bżonn jinbidlu fl-interess tas-sigurtà pubblika kif ukoll fl-interess tal-professjoni, tal-kuntratturi u tal-iżviluppaturi. Il-punti li semmiet jinkludu r-rwol, ir-responsabbiltajiet u l-kompetenzi tal-Uffiċjal Tekniku fuq is-sit, delinjazzjoni ċara bejn l-ispeċifikazzjonijiet Tekniċi li jrid jipprepara l-perit u d-Dikjarazzjoni tal-Metodu li għandha tiġi ppreparata mill-kuntrattur sabiex juri kif se jħaddem sabiex jilħaq l-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa. Talbu għal distinzjoni iktar ċara bejn xogħolijiet permanenti u dawk temporanji, kif ukoll diversi inkonsistenzi bejn il-verżjonijiet bil-Malti u bl-Ingliż tal-Avviż Legali.

Aqra: Aġġornata: Il-proposti tal-Gvern iħawdu mhux jassiguraw – KTP

Il-Kamra tirċievi appoġġ mill-Union Internazzjonali tal-Periti

Il-Kamra tal-Periti rċeviet dikjarazzjoni ta’ appoġġ mill-President tal-Union Internazzjonali tal-Periti, Thomas Vonier li faħħar l-isforzi tal-Kamra sabiex ir-responsabbiltajiet ta’ terzi li jipprovdu servizzi fuq siti ta’ kostruzzjoni ma jintrefgħux mill-perit kif prevvist fl-Avviż Legali 136 tal-2019.

Il-Kamra tirċievi appoġġ mill-Union tal-Periti tal-Mediterran

Intant, f’ittra separata, il-Kamra rċeviet appoġġ mill-Union tal-Periti tal-Mediterran fejn il-President Wassim Naghi faħħar lill-Kamra talli qed tippromwovi linji gwida ċari dwar ir-responsabbiltajiet tal-istakeholders varji fuq is-siti tal-kostruzzjoni fl-interess tas-sigurtà u tal-kwalità fl-ambjent mibni.