Ir-reġistrazzjoni elettorali għall-Elezzjoni Ġenerali tagħlaq fil-31 ta’ Marzu

Fi stqarrija l-Kummissjonarju Elettorali Prinċipali għarraf li d-data tal-għeluq għar-Reġistru Elettorali għall-Elezzjoni Ġenerali li jmiss hija l-31 ta’ Marzu, 2013.

Il-persuni kollha ta’ nazzjonalità Maltija li għandhom 18-il sena u fuqhom u li isimhom ma jidhirx fir-Reġistru Elettorali ppubblikat f’Jannar 2013, u li għadhom ma applikawx għar-reġistrazzjoni bħala votanti, għandhom japplikaw. Formoli tal-applikazzjoni jistgħu jinkisbu mill-Għases tal-Pulizija, mill-Uffiċċji tal-Kunsilli Lokali u mill-Uffiċċju Elettorali.

L-istqarrija tgħid li huwa fl-interess tal-votanti reġistrati li jivverifikaw li l-partikolaritajiet personali tagħhom kif,jidhru fir-Reġistru Elettorali ta’ Jannar 2013 huma, korretti.

Għal min irid japplika għar-reġistrazzjoni bħala votanti jew għal tibdil fir-Reġistru Elettorali, l-Uffiċċju Elettorali jkun miftuħ għall-pubbliku mit-Tnejn sal-Ġimgħa, mis-7.30am sas-2.00pm.

L-applikazzjonijiet kollha jistgħu jittieħdu fl-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali li qiegħed f’Evans Building, Triq il-Merkanti, l-Belt Valletta, fl-Uffiċċju tal-Karta tal-Identità fi Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex, jew jingħataw lil xi Uffiċjal tal-Pulizija f’xi waħda mill-Għases tal-Pulizija f’Malta u f’Għawdex.