Ir-reġistratur għaġġel fuq l-artijiet tan-Nadur – Muscat

Read in English.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Komunitajiet Alex Muscat stqarr li r-Reġistratur tal-Artijiet għaġġel meta aċċetta r-reġistrazzjoni taż-żewġ biċċiet art fin-Nadur mill-eredi ta’ familja nobbli fuq il-bażi ta’ dokumenti li jmorru lura sas-seklu 17.

L-applikazzjoni għal reġistrazzjonijiet tal-artijiet saru f’żewġ dati different bl-ewwel waħda ssir fil-21 ta’ Jannar u l-oħra fit-12 ta’ Frar għal żewġ artijiet li fihom 14,398 metru kwadru u 13,252 metru kwadru rispettivament f’isem il-benefiċjarju lajkali Sant’Antonio delli Navarra.

Meta kien qed iwieġeb għal mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Kevin Cutajar, Muscat qal li daħal fil-kwistjoni peress li għadd ta’ residenti ġew avviċinati minn avukati jgħidulhom li djarhom li jinsabu f’dawn il-biċċtejn art mhumiex tagħhom. Għalkemm l-attenzjoni fuq is-sitwazzjoni kienet battiet – anke peress li l-uffiċċju tar-Reġistru tal-Artijiet kien għalaq waqt il-pandemija tal-Covid-19 – Cutajar fakkar li l-kwistjoni baqgħet ma ssolvitx.

Cutajar qal li r-residenti li qed jirriskjaw li jitilfu darhom joqogħdu fi Triq il-Knisja u partijiet oħra ċentrali fir-raħal Għawdxi.

Muscat, li fakkar li s-sitwazzjoni kienet waħda mill-ewwel li kellu jidħol fiha meta sar segretarju parlamentari, stqarr li kienet problema aktar teknika u legali milli waħda politika. Hu kkonferma li l-ebda ministru jew segretarju parlamentari ma jista’ jħassar ir-reġistrazzjoni li saret mill-eredi ta’ Richard Stagno Navarra.

Madankollu, is-segretarju parlamentari wera’ id-diżpjaċir tiegħu kif ir-reġistratur kien aċċetta r-reġistrazzjoni.

Hu qal li din ma kelliex tiġi aċċettata fuq punt ta’ prinċipju, peress li skont l-informazzjoni li kellu, id-deċiżjoni kienet waħda prematura. Mill-anqas, ir-reġistratur missu staqsa biex tiġi pprovduta aktar dokumentazzjoni biex tiġi ssostanzjata l-applikazzjoni, żied jgħid Muscat.