Ir-Reġina tgħid ‘le’ għall-fur ta’ veru

Ir-Reġina Eliżabetta tal-Ingilterra minn dejjem kienet magħrufa li tħobb tilbes ħwejjeġ bil-fur. Imma issa l-Palazz ta’ Buckingham żvela li r-Reġina mhix se tilbes aktar ħwejjeġ li jkollhom fur veru tal-annimali.

Minn issa ’l quddiem il-ħwejjeġ ġodda kollha li r-Reġina se tibda tilbes se jkollhom fur artifiċjali. Dawn il-ħwejjeġ jinkludu kowtijiet, kpiepel u lbies ċerimonjali.

Angela Kelly, dik li tieħu ħsieb u tlibbes lir-Reġina, fil-ktieb tagħha The Other Side of the Coin: The Queen, the Dresser and the Wardrobe, kitbet li jekk ir-Reġina tattendi xi ċerimonji f’temp kiesaħ mill-2019 ’il quddiem, se jkun il-fur arifiċjali li se jżommha sħuna. Fil-fatt il-kowt li libset ir-Reġina fis-Slovakkja fl-2008 tneħħielu l-fur tal-annimali u għamlulu fur artifiċjali.

Kelliem għall-Buckingham Palace ikkonferma li l-ħwejjeġ il-ġodda tar-Reġina mhux se jkollhom fur tal-annimali. Iżda fl-istess waqt intqal li dan se jikkonċerna biss il-ħwejjeġ il-ġodda. Ir-Reġina għalhekk se tkompli tilbes ħwejjeġ li diġà għandha li fihom il-fur tal-annimai, bħal kowtijiet, kwiepel u lbies ċerimonjali.

Ir-Reġina kemm-il darba kienet kritikata mill-organiazzjonijiet ta’ kontra l-moħrija tal-annimali għax tilbes il-fur u talbuha biex tieqaf tagħmel dan. Għalhekk il-mossa tagħha ta’ issa ntlaqgħet tajjeb minnhom.

Claire Bass, id-direttur eżekuttiv tal-Humane Society International, qalet li “Ninsabu ferħana ħafna li r-Reġina sa fl-aħħar se tkun ħielsa mill-fur tal-annimali. B’hekk issa se tkun mal-parti l-kbira tal-Ingliżi li jobogħdu fur meħud mill-annimali li jmutu mewt krudila. B’hekk qed tibgħat messaġġ li l-fur m’għadux aktar moda u li m’għadux mixtieq mill-Ingilterra.”