Ir-Reġina taqbel ma’ “perjodu ta’ tranżizzjoni” għal Harry u Meghan

Meghan Markle Prince Harry

Ir-Reġina taqbel ma’ “perjodu ta’ tranżizzjoni” għad-Duka u d-Dukessa ta’ Sussex, li waqtu jqattgħu l-ħin il-Kanada u r-Renju Unit.

Fi stqarrija maħruġa minn Buckingham Palace, ir-Reġina qalet li hi u familtha qed jissapportjaw lil Harry u Meghan f’din ix-xewqa li joħolqu ħajja ġdida bħala familja żagħżugħa, imma “kienet tippreferi” li kieku baqgħu jaqdu l-irwoli rjali tagħhom full-time.

Qalet li tistenna deċiżjonijiet finali li jittieħdu fil-jiem li ġejjin.

Illum ir-Reġina ltaqgħet mal-Prinċep Harry wara li l-ġimgħa li għaddiet hu u martu ħabbru li beħsiebhom jieħdu pass lura mill-irwoli tagħhom fil-familja rjali. Qalu li jridu jsiru finanzjarjament indipendenti u li jridu jaqsmu ħinhom bejn l-Istati Uniti u r-Renju Unit.

L-istqarrija tgħid ukoll li d-diskussjoni bejnha u bejn Harry, fil-preżenza tal-Prinċep Charles u l-Prinċep William kienet “kostruttiva ħafna.” Dan wara li Harry u Meghan għamluha ċara li ma jridux jistrieħu fuq il-fondi pubbliċi fil-ħajjiet ġodda tagħhom.

Filwaqt li dawn huma kwistjonijiet kumplessi, ir-Reġina qalet li talbet biex jittieħdu deċiżjonijiet finali fil-jiem li ġejjin.

Apparti dan, il-Prinċep Harry u ħuh il-Prinċep William illum ħarġu stqarrija konġunta jiċħdu dak li qed tgħid il-midja Ingliża li r-relazzjoni tagħhom saritilha l-ħsara minn ibbuljar ta’ William.

L-istoriku Robert Lacey qal lil BBC Radio 4 li l-istqarrija tar-Reġina kienet personali, mhux bħas-soltu. Użat kemm-il darba l-frażijiet “il-familja tiegħi” u “in-neputi tiegħi,” u lil Harry u Meghan saħansitra sejħitilhom b’isimhom u mhux bit-titli tagħhom. Lacey jaħseb li dan juri kemm hi mħassba r-Reġina fuq din is-sitwazzjoni.

Royal Family tree graphic
L-arblu tar-razza tal-familja rjali – BBC