Ir-Reġina spiċċat b’kelb wieħed

Ir-Reġina Eliżabetta tilfet wieħed mill-klieb li tant tħobb.  Vulcan, tar-razza dorgi, miet fil-Kastell ta’ Windsor. Issa r-Reġina baqgħalha kelb wieħed biss, Candy, li hu wkoll dorgi.

Wieħed li jaf l-affarijiet li jiġru fil-Palazz qal li r-Reġina ddispjaċieha ħafna għat-telf tal-annimal għax il-mara għandha qalbha żgħira fejn jidħlu l-klieb.

Dorgi huwa taħlita bejn dachshund u r-razza corgi, famuża għar-riġlejn qosra distintivi u l-widnejn wieqfa u l-popolarità tagħhom mar-Reġina. Fl-2018 r-Reġina tilfet lil Willow, l-aħħar dixxendenti tal-corgi oriġinali tagħha, Susan, il-kelba li rċeviet meta għalqet 18-il sena fl-1944.

Jingħad li r-Reġina tant kienet tħobb lill-kelba li kienet ħaditha magħha waqt il-honeymoon tagħha mal-Prinċep Philip fl-1947.

Il-klieb tar-Reġina dejjem kienu f’għajnejn in-nies. Fil-fatt erba’ snin ilu kienu dehru magħha fuq il-qoxra ta’ barra tal-magażin Vanity Fair.

Waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Logħob Olimpiku li kien sar f’Londra fl-2012, il-kelb tagħha Willow kien deher magħha waqt il-laqgħa li kellha ma’ Daniel Craig, James Bond.