Ir-Reġina Eliżabetta titlaqqam kontra l-Covid-19

QUEEN ELIZABETH II
Wikipedia / DoD photo by D. Myles Cullen/Released

Read in English.

Ir-Reġina Eliżabetta II u żewġha, il-Prinċep Filippu, irċevew l-ewwel doża tal-vaċċin kontra l-Covid-19.

Il-familja rjali rari tħabbar informazzjoni fuq is-saħħa tal-koppja, imma jidher li r-Reġina xtaqet tevita kull spekulazzjoni dwar jekk hux se tirċievi l-vaċċin.

Ir-Reġina għandha 94 sena, filwaqt li żewġha għandu 99 sena, u b’hekk skont il-politika dwar il-vaċċin tar-Renju Unit, huma meqjusa bħala parti mit-tieni grupp ta’ priorità bħala persuni li għandhom mill-anqas 80 sena.

Il-koppja rċeviet il-vaċċin fil-Kastell ta’ Winsdor, fejn qiegħda tgħix fi żmien il-lockdown li ġie mħabbar fl-Ingilterra.

Jidher li l-gvern tar-Renju Unit qiegħed jikkunsidra kif persunaġġi pubbliċi jistgħu iħajru n-nies jieħdu l-vaċċin u jintegħleb ix-xettiċiżmu li jista’ jeżisti fost in-nies.

Is-Segretarju tas-Saħħa Matt Hancock laqa’ l-aħbar li r-Reġina u żewġha rċevew l-ewwel doża tal-vaċċin, u nnota li l-pandemija qed tiġi mirbuħa b’kull tlaqqima li qed issir.

Mhux l-ewwel okkażjoni fejn il-familja rjali għenet biex tippromwovi l-użu ta’ vaċċin ġdid. Fl-1957, ir-Reġina kienet ħabbret li ż-żewġt itfal tagħha – il-Prinċep Karlu u l-Prinċipessa Anna – kienu tlaqqmu kontra l-polio.