Ir-Reġina Eliżabetta mgħaddba għal Trump

Il-President Donald Trump hu magħruf li jagħmel impressjoni kulfejn imur imma l-aħħar li ltaqa’ mar-Reġina Eliżabetta tal-Ingilterra ħalla impressjoni ħażina — għax il-ħelikopter li wasslu hemm ħarqilha l-ħaxix ta’ Buckingham Palace fejn niżel.

Trump kien l-Ingilterra għal żjara uffiċjali biex jitfakkar il-75 anniversarju ta’ D-Day fis-6 ta’ Ġunju li għadda. Il-garr tar-Reġina dwar il-ħelikopter tiegħu Marine One ħareġ fil-beraħ il-Ħadd li għadda f’The Sunday Times ta’ Londra. Il-ħelikopter niżel darbtejn f’ġurnata fuq il-ħaxix tal-palazz u jidher li ħarqu.

Min kellem lil The Sunday Times qal li meta l-Prim Ministru Awstraljan Scott Morrison wasal għall-istess okkażjoni fil-palazz, ir-reġina ħarġitu magħha fil-ġnien u waqt li wrietu l-ħaxix maħruq qaltlu: “Ara! Ara kif irrovinawli l-ħaxix tal-ġnien.”

Ir-Reġina tuża l-ġonna ta’ Buckingham Palace biex fihom tagħmel ir-riċevimenti annwali. Issa fil-post jidhru s-sinjali maħruqa ta’ fejn niżel il-ħelikopter, kollu ħtija tal-President Trump.

Waqt il-laqgħa tiegħu mar-Reġina Trump għamel tliet żbalji tal-protokol: wasal tard, ma baxxiex rasu b’tisliba u beda miexi qabilha.

Ir-Reġina tibża’ ħafna għall-ħaxix tal-ġonna tagħha u meta fl-2016 il-President Barack Obama talab li jniżżel sitt ħelikopters f’Windsor Castle hija mill-ewwel qaltlu le.