Ir-Reġim tal-Eritrea jaħtaf is-servizzi tas-saħħa mmexxija mill-Knisja

Eluf f'periklu tal-ħajja wara li l-Gvern fl-Eritrea ħataf il-faċilitajiet mediċi tal-Knisja

Eluf ta’ persuna morda madwar l-Eritrea qed ikunu mċaħħda minn kura medika vitali għal ħajjithom wara li l-Gvern ħataf tliet sptarijiet, żewġ ċentri tas-saħħa u 16-il klinika li kienu mmexxija mill-Knisja Kattolika.

Suldati qajjmu lill-pazjenti mis-sodod tagħhom u keċċewhom mill-kliniċi u ħatfu djar ta’ reliġjużi u kkonfiskaw 22 istituzzjoni li kienu joffru servizzi u kura medika u li bejniethom kienu jaqdu aktar minn 170,000 persuna kull sena.

Nies fil-periklu

Sorsi qrib il-Knisja Kattolika fl-Eritrea qalu lill-aġenzija Aid to Church in Need li jekk dawn is-servizzi mediċi ma jkomplux immedjatament – hemm nies li jistgħu jmutu jew ikunu f’periklu ta’ ħajjithom.  Uħud mill-persuni li kienu jingħataw kura f’dawn l-istituzzjonijiet ikollhom jimxu madwar 25 kilometru biex jingħataw is-servizz.

L-erba’ Isqfijiet tal-Eritrea f’ittra li bagħat il-Ministru tas-Saħħa, ikkundannaw bil-qawwa kollha l-ħtif ta’ dawn l-istituzzjonijiet.

Fl-ittra tagħhom l-Isqfijiet iddikjaraw li huma mhux se jikkooperaw mal-Gvern li b’daqqa ta’ pinna qabad u għalaq il-faċilitajiet kollha tas-saħħa offruti mill-Knisja li wħud minnhom ilhom joffru servizz għal aktar minn 70 sena.

Mhux ġustifikat

L-Isqfijiet qalu li din il-mossa tal-Gvern ma kenitx ġustifikata u kitbu li “Li ċċaħħad lill-Knisja minn dawn l-istituzzjonijiet ifisser li qed tkisser l-eżistenza tagħha u tesponi lill-impjegati tagħha, nisa u rġiel reliġjużi għall-persekuzzjoni”.

Huma ddikjaraw li “aħna mhux  mhux se nagħtu dawn l-istituzzjonijiet minn jeddna u anqas l-apparat li hemm fihom”

Sorsi qrib il-Knisja qalu li l-ħaddiema f’uħud min dawn il-faċilitajiet mediċi rrifjutaw li jagħtu ċ-ċwievet tal-post lis-suldati li min-naħa tagħhom qabdu u sgassawhom.

Il-Knisja qalet lill-Gvern biex iħalliha taħdem. “Hu d-dover tal-Knisja li tieħu ħsieb u tikkura l-morda, tgħin lil foqra u lil dawk f’xifer il-mewt – ħadd, anqas il-Gvern ma jista’ jwaqqaf lill-Knisja milli taqdi l-missjoni tagħha”.

L-Isqfijiet sostnew li “l-faċilitajiet mediċi tagħna kienu qed jimxu mad-direttivi tal-Ministeru tas-Saħħa tant li s-supervisors tal-Ministeru spiss kienu juru apprezzament għall-ħidma tagħna”.

Sorsi fil-pajjiż qalu li l-Gvern irid li s-servizzi tas-saħħa joffrihom hu biss, iżdal-maġġoranza tal-poplu kienet tippreferi s-servizzi fl-istituzzjonijiet mediċi tal-Knisja għax l-isptarijiet tal-Gvern għandhom apparat antikwat u nuqqas ta’ ħaddiema għax ħafna minnhom qed jitilqu mill-pajjiż. Il-Knisja mhux qed tikkompeti mal-Gvern imma qed tikkumplimenta s-servizzi offruti mill-Gvern.

Appell lill-Komunita’ Internazzjonali

Għad mhux ċar jekk ir-reġim hux se jerġa’ jiftaħ dawn il-faċilitajiet mediċi aktar tard imma meta sentejn ilu l-Gvern kien ħataf postijiet oħra dawn baqgħu ma nfetħux.

Il-Knisja fl-Eritrea appellat lill-Komunità Internazzjonali, inluż il-Gvern Ingliż biex jipperswadu lill-President Isaias Afewerki u l-Gvern tiegħu biex jaqbdu l-patt tar-rikonċiljazzjoni.