Ir-reġim Sirjan jibda jibgħat id-dettalji tal-armi kimiċi

Ir-reġim Sirjan bagħat id-dettalji tal-ħażna tal-armi kimiċi bħala parti mill-qbil bejn il-Gvern Amerikan u r-Russja. Is-Sirja ingħatat sa għada s-Sibt biex tgħaddi l-lista sħiħa tal-armi kimiċi li għandha. 

L-Organiżazzjoni Dinjija kontra l-Armi Kimiċi qalet li qed tistenna aktar dettalji minn naħa tar-reġim Sirjan. Laqgħa li kellha ssir għada ġiet posposta sakemm jaslu dawn id-dettalji. 

Wara l-attakk li sar f’Damasku x-xahar li għadda, li kien deskritt mill-Ġnus Magħquda bħala att kriminali tal-gwerra, l-Istati Uniti heddew lill-President Al-Assad b’azzjoni militari. 

L-alleati qed  jakkużaw lir-reġim Sirjan b’dan l-attakk, fejn min-naħa tiegħu il-President Sirjan Bashar Al-Assad qal li dan twettaq mill-gruppi ribelli.