“Ir-refuġjati tal-Venezwela qegħdin imutu għax m’hemmx mediċina” – Angelina Jolie

Reuters

L-attriċi Angelina Jolie wriet is-sapport tagħha mar-refuġjati tal-Venezwela, u qalet kemm qegħdin imutu nies minħabba nuqqas ta’ mediċina u ta’ għajnuna medika.

Hija ntbagħtet min-Nazzjonijiet Magħquda biex tiltaqa’ man-nies tal-Venezwela f’Lima fil-Peru li ġew sfurzati jitilqu minn djarhom, u rringrazzjat lill-pajjiżi tal-Amerka t’Isfel li laqgħuhom.

In-Nazzjonijiet Magħquda qed tgħid li madwar 2.6 miljun persuna ġiet sfurzata titlaq mill-Venezwela, bil-maġġoranza tagħhom jitilqu mill-2015 ‘l hawn minħabba l-kriżi ekonomika fil-pajjiż immexxi mill-President Nicolas Maduro.

“Wara li tkellimt ma’ ħafna nies hu ċar għalija li din ma kinitx għażla tagħhom,” qalet Jolie lill-ġurnalisti fil-Peru. “Smajt bi stejjer ta’ nies imutu minħabba nuqqas ta’ mediċina, nies bil-ġuħ… stejjer ta’ vjolenza u persekuzzjoni,” kompliet tgħid.

Il-Peru kien wieħed mill-ewwel pajjiżi li ħoloq programm ta’ residenza speċjali għall-Venezwelani, li ppermettielhom li jaħdmu fil-pajjiż. Iżda issa li n-numru ta’ Venezwelani fil-pajjiż tela’ għal kważi nofs miljun, il-Peru kellu jħarrax il-mod ta’ kif wieħed jidħol fil-pajjiż, u qassar il-programm ta’ residenza.

Jolie ltaqgħet mal-President tal-Peru Martin Vizcarra u ddiskutiet miegħu kif il-komunità internazzjonali tista’ tgħin lil pajjiżi bħal Peru biex jilqgħu lill-Venezwelani.