“Ir-refuġjati jitqiesu bħat-trab ħdejn dawk li xtraw passaport Malti”

Żagħżugħ ta’ 20 sena dalgħodu interrompa lill-President Marie-Louise Coleiro Preca biex iressqilha l-messaġġ li skont hu, il-politika f’Malta qed twassal messaġġ liż-żgħażagħ li biex jirnexxu jridu l-kuntatti politiċi u mhux bil-mertu.
Fost l-oħrajn saħaq li f’għajnejn il-Gvern, ir-refuġjati qed jitqiesu bħat-trab ħdejn il-flus ta’ dawk li xtraw passaport Malti.
Waqt li qara l-messaġġ ippreparat tiegħu quddiem il-President, iż-żagħżugħ semma wħud mill-kontroversji tal-Gvern fosthom l-ambjent, l-isptarijiet fosthom ta’ Għawdex u ċ-ċittadinanza Maltija. Fl-istess waqt  ikkumparahom mar-refuġjati f’Malta u qabbilhom mal-flus li qed iħallsu wħud mill-biljunarji li diġà xtraw iċ-ċittadinanza Maltija.
F’messaġġ imqanqal, l-istudent minn Birkirkara tkellem dwar il-valuri tal-Partit Laburista li skont hu nbidlu minn “partit tal-ħaddiema” għal organizzazzjoni tal-customer service”. Jislet ukoll uħud mill-esperjenzi tal-qraba tiegħu u jispjega kif dejjem emmnu fl-ideali Laburisti.
Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt u li kienu preżenti għal din il-laqgħa nħasdu bil-mod kif iż-żagħżugħ beda jitkellem. Qalu wkoll li kif spiċċa mid-diskors, il-President tkellmet b’mod sod dwar l-irwol tagħha ta’ President u kif ċertu affarijiet kontroversjali ma tkunx tista’ tgħidhom.
 “Xogħlok mhux biss li tiġbor il-flus jew iżżur lin-nies”
L-istudent fil-laqgħa tal-lum mal-President tkellem b’mod ċar dwar l-irwol li skont hu għandha tieħu l-President. Saħaq li x-xogħol tagħha huwa li “taħdem favur id-dinjità tan-nies billi tgħidilhom il-verità”.
Appella lill-President biex titkellem dwar il-ħajja fil-politika u biex tibqa’ tagħmel dan fl-interess ta’ kulħadd.
L-istudent kien parteċipant tal-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ li ta’ kull sena jkun organizzat mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ. Il-parteċipanti kollha, dalgħodu ppreżentaw il-politika li ħejjew fl-edizzjoni li għaddiet tal-Parlament taż-Żgħażagħ.

“Ibqgħu attivisti u kunu aġenti tal-bidla”
Min-naħa tagħha, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca laqgħet lill-parteċipanti u faħħrithom għas-sens kbir ta’ kuraġġ u attiviżmu li għandhom.
Saħqet li dawn huma rifless fit-temi li ż-żgħażagħ għażlu għar-riżoluzzjonijiet tagħhom, temi li fi kliemha kapaċi jitqiesu bħala taboo fis-soċjetà Maltija.
Il-President ħeġġet liż-żgħażagħ biex jibqgħu jħaddnu s-sens ta’ attiviżmu ħalli b’hekk ikollna ġenerazzjoni ta’ ħassieba kritiċi.
Appellat liż-żgħażagħ preżenti biex l-attiviżmu jwassalhom biex ikunu aġenti tal-bidla f’kull ħin.