Ir-refuġjati jħossu li m’humiex parti mis-soċjetà

Ir-refuġjati f’Malta ħadu sehem f’rapport li sar mill-Fondazzjoni Aditus u l-UNHCR, liema rapport juri l-integrazzjoni tar-refuġjati fis-soċjetà kif ukoll mill-att ta’ servizzi taċ-ċivil.
Ir-rapport sar fuq medda ta’ numru ta’ snin, fi żjarat li saru lil 150 refuġjat li qed jgħixu f’akkommodazzjoni privata f’Malta.
Saru wkoll sessjonijiet interattivi li jindirizzaw ir-realtajiet ta’ refuġjati, għall-persuni li jaħdmu fis-settur pubbliku.
Issemmew numru ta’ problemi li ltaqgħu magħhom, fosthom, nuqqas ta’ interazzjoni fuq livell soċjali mal-ġirien u l-komunità lokali.
Filwaqt li madwar 80 refuġjat kellu impjieg fiż-żmien li saru l-intervisti għar-rapport, kienu ħafna minnhom li qalu li l-pagi kienu baxxi ħafna, speċjalment meta ma kienux reġistrati għax-xogħol.
Il-parteċipanti li jaħdmu fis-servizz ċivili qalu li hemm bżonn aktar titjieb fis-servizzi lejn kull persuna, irrespettivament min-nazzjonalità, razza u ġeneru.
Sfidi ta’ komunikazzjoni kienu ostakli li jaffettwaw dan is-servizz.
Ir-rapport saħaq fuq il-fatt li politiċi t’integrazzjoni għandhom iħarsu d-drittijiet tal-persuna umana, fil-proċess t’edukazzjoni, impjieg, parteċipazzjoni politka, residenza fit-tul, kif ukoll ċittadinanza u familja.
Dawn l-inċentivi jwasslu sabiex ir-refuġjati jkunu attivi soċjalment u jtejbu l-edukazzjoni tagħhom, filwaqt li jkunu jistgħu jkollhom impjieg li jħares id-drittijiet tagħhom.
Il-Ministri Marie Louise Coleiro Preca u Helena Dalli laqgħu dan ir-rapport billi qalu li filwaqt li l-Unjoni Ewropea qed turi solidarjetà ma’ Malta f’dan ir-rigward, għad hemm xogħol xi jsir sabiex tiġi indirizzata r-realtà tal-immigranti u r-refuġjati f’Malta, b’attenzjoni speċjali għal dawk separati, kif ukoll tfal mingħajr ġenituri.
Huwa għalhekk, komplew il-Ministri, li permezz ta’ dawn il-fatti li ssemmew fir-rapport, l-integrazzjoni fis-soċjetà tar-refuġjati tkun aktar effettiva.