​Ir-referì Esther Azzopardi waqt kors organizzat mill-UEFA

Ir-referì internazzjonali tal-FIFA Esther Azzopardi, ġiet mistiedna sabiex mill-lum sa’ nhar il-Ġimgħa li ġej sabiex tattendi għall-kors ta’ taħriġ fil-kwartieri ġenerali tal-UEFA f’Nyon, l-Iżvizzera.
Dan se jservi bħala preparazzjoni qabel il-bidu tal-istaġun 2014/2015.
Waqt dawn il-laqgħat ta’ tliet ijiem, ir-referis magħżula se jkomplu fuq il-kors tax-xitwa, li ngħata aktar kmieni din is-sena u jingħataw dettalji dwar aktar uniformità fid-deċiżjonijiet li jieħdu fl-istaġun li ġej.
L-għan prinċipali waqt dawn il-laqgħat hu li r-referìs jitgħallmu mill-esperjenza tal-istaġuni mgħoddija, jiġu diskussi l-isfidi għall-istaġun li jmiss u jiġi assigurat il-livell tal-fitness tal-parteċipanti.
Flimkien mal-24 referì fil-kategorija Elite tal-irġiel, it-68 fl-Ewwel Kategorija tal-irġiel u t-12 fil-kategorija Elite tan-nisa, Esther Azzopardi hija waħda mit-tmien referìs tal-Ewwel Kategorija tan-nisa mistiedna mill-kumitat tal-UEFA għar-referìs.
Ir-referìs nisa ngħaqdu mal-irġiel għall-ewwel darba f’dawn il-korsijiet fis-sena li għaddiet, sabiex ir-referìs nisa ma jkunux anqas minn dawk irġiel u sabiex il-futbol tan-nisa jkompli jiżviluppa b’referìs nisa ta’ livell għoli.
Filwaqt li nawguraw lil Esther Azzopardi matul dawn it-tliet ijiem li ġejjin, ma ndumux ma nerġgħu narawha fl-azzjoni wara li f’Ġunju li għadda saret omm.