Ir-referendum dwar il-kaċċa jikser id-drittijiet tal-minoranza – FKNK

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, l-FKNK qed terġa’ tappella lill-membri Parlamentari biex jinbidel l-Att dwar ir-Referendum.
L-FKNK sostniet li f’Diċembru li għadda bdiet petizzjoni fejn qed jinġabru l-firem sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-privileġġi tal-minoranzi.
Għalhekk ukoll il-Federazzjoni ressqet protest ġudizzjarju l-Qorti fejn tħeġġeġ lill-Kummissjoni Elettorali tivverifika l-firem kollha li nġabru mill-Koalizzjoni kontra l-Kaċċa fir-Rebbiegħa.
Il-President tal-FKNK, Joe Perici Calascione qal li l-kaċċaturi qed jiġbru l-firem sabiex juru biċ-ċar li r-referendum kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa huwa inġust għaliex huwa immirat li jneħħi drittijiet li jgawdu l-minoranzi.
L-FKNK sostniet li l-użu tar-referendum għandu jkun fuq kwistjonijiet nazzjonali.
Perici Calascione qal li d-Direttiva tal-Għasafar ma tispeċifikax li ma jistax isir insib u jemmen li jekk titressaq deroga għall-insib fuq l-għasafar tal-għana jkun jista’ jsir b’mod limitat ħafna.
Huwa appella lill-kaċċaturi kollha biex josservaw il-liġijiet u ħeġġiġhom biex flimkien mal-Federazzjoni jeqirdu l-kaċċa llegali.