Ir-referendum dwar il-kaċċa għall-11 ta’ April

Il-Prim Ministru Joseph Muscat għadu kif ħabbar li r-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa se jsir fil-11 ta' April. Qal li f'każ li r-referendum jgħaddi l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa ta' din is-sena ma jiftaħx. Fl-istess data se jsiru wkoll l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. 
F'konferenza tal-aħbarijiet f'Kastilja l-Prim Ministru spjega li dan ġie deċiż wara li ttieħdu l-konsiderazzjonijiet kollha. Qal li mil-lum sal-11 ta' April hemm tliet xhur, li hu l-minimu kif stabbilit mil-liġi. Żied jgħid li ż-żewġ għażliet oħra kienu li r-referendum isir wara l-istaġun tal-kaċċa iżda l-perjodu għall-kampanja kien ikun wieħed twil, jew għażla oħra li jsir f'nofs l-istaġun tal-kaċċa stess li fi kliem il-Prim Ministru "dan ma kien jaqbel għall-ebda parti. 
Il-Prim Ministru qal li fir-referendum hu se jkun qed jivvota biex il-kaċċa fir-rebbiegħa ma titneħħiex. Saħaq li din il-kwistjoni mhix tal-partiti politiċi imma tas-soċjetà ċivili. 
Sostna li l-kampanja għandha tieqaf matul il-Ġimgħa Mqaddsa. 
Bħalissa għaddejja diskussjoni legali biex tiġi fformulata l-mistoqsija għar-referendum.

Reazzjoni PN
Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat żbalja meta ddeċieda d-data tar-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa għax skont il-liġi dan hu dmir tal-President u mhux tal-Prim Ministru.
Sostna li Joseph Muscat għamel dan għal skopijiet politiċi tiegħu.
Żied jgħid li d-deċiżjoni hi f’idejn il-poplu fir-referendum u l-poplu għandu jitħalla fil-libertà li jiddeċiedi mingħajr ma l-kwistjoni tiġi politiċizzata iktar milli hi.
Il-Partit Nazzjonalista qal li se jiddiskuti din il-materja fl-istrutturi interni tiegħu fil-jiem li ġejjin kif inhu mistenni minn partit li jaħdem b’mod demokratiku.

Ritratt: DOI – Pierre Sammut