Awdjo: Ir-Red Arrows lura Malta f’Settembru li ġej

It-tim akrobatiku tal-ajruplani Red Arrows se jerġa’ jagħti spettakklu ieħor fuq il-gżejjer Maltin hekk kif se jkunu l-mistiedna ewlenin tal-Malta International Airshow.

Nhar is-Sibt 28 u l-Ħadd 29 ta’ Settembru li ġej fuq ir-runway tal-Ajruport u fuq il-bjut ta’ bosta djar, se ssir il-21 edizzjoni tal-ikbar wirja tal-ajruplani f’Malta.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-President tas-Soċjetà Maltija tal-Avjazzjoni Joe Giliberti, dalgħodu ħabbar li wara s-sena li għaddiet, ir-Red Arrows ħasru ħesrem il-parteċipazzjoni tagħhom f’Malta minħabba problema teknika, din is-sena ħassewhom obbligati lejn il-Maltin biex ikunu parti mix-show ta’ din is-sena.

Minn din is-sena ’l quddiem, il-kumpanija tal-avjazzjoni airX li ilha bbażata f’Malta minn Marzu li għadda, se tkun l-isponsor ewlieni ta’ din il-wirja tal-ajru.

Il-President ta’ airX John Matthews qal li jixtieq li Malta tkun iċ-ċentru għas-servizzi tal-avjazzjoni.  Ħabbar li fix-xhur li ġejjin il-kumpanija se tniedi skema għal apprentistat mifruxa fuq erba’ snin biex numru limitat ta’ żgħażagħ Maltin ikunu jistgħu jingħataw taħriġ speċjalizzat li jibda minn tagħrif bażiku dwar l-ajruplani li jwassal għal liċenzja ta’ bdot.