Ir-rebbieħ tal-Eurovision 2009 b’kanzunetta għall-festival ta’ Malta?

Il-kantant Alexander Rybak li fl-2009 rebaħ il-Eurovision Song Contest bil-kanzunetta Fairytale, ftit sigħat ilu ħalla Malta wara mawra ta' ftit jiem. L-iskop tal-btala kien parikolarment biex jaħdem fuq kanzunetta li l-kantant Malti Franklin possibilment se jissottometti, bit-tama li jagħmilha għas-serati finali tal-Malta Eurovision Song Contest li din is-sena se jsir fil-21 u 22 ta' Novembru fil-Marsa.
F'kummenti lil Newsbook.com.mt il-kantant Franklin bit-tbissima qal li ma setax jikkummenta dwar jekk il-kanzunetta hix se tiġi sottomessa għall-Festival. Pero' ikkonferma li kellu din l-opportunita tad-deheb li jaħdem ma' Rybak. Iddeskriva lil Alexander Rybak bħala persuna umli, saqajha mal-art imma b'talent u bi kreattivita kbira. Franklin sostna li kien ta' unur kbir li jaħdem ma' dan ir-rebbieħ li bis-sempliċita' tiegħu fl-2009 rebaħ qlub l-Ewropej.
F'kummenti li ħalla fuq il-paġna tiegħu ta' Facebook, Rybak wera li għandu għal qalbu ħafna l-ospitalita' tal-poplu Malti li hu ddeskriva bħala dħuli u li jurik l-id tal-ħbiberija.
Din ma kinetx l-ewwel darba li n-Norveġiż b'dixxendenza mill-Belarus żar Malta. Infatti fl-2010 kien diġa' ġie hawn Malta fuq stedina ta' skola tar-Russu f'Malta.
Din is-sena s-sottomissjonijiet tal-kanzunetti għall-Malta Eurovision Song Contest se jintlaqgħu fi tmiem din il-ġimgħa, jiġifieri nhar il-Ħamis 28 u l-Ġimgħa 29 ta' Awwissu f'PBS Creativity Hub fi Gwardamangia.