Ir-rebbieħ ta’ X Factor Malta għall-65 Eurovision

Ritratt: Facebook/X Factor Malta

Uffiċjalment tħabbar li bħalma ġara aktar kmieni din is-sena, min jirbaħ il-kompetizzjoni tal-X Factor Malta se jkun qed jirrappreżenta lil pajjiżna fil-65 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest li se jittella’ f’Rotterdam fl-Olanda bejn it-12 u s-16 ta’ Mejju.

Filwaqt li l-kompetizzjoni tal-X Factor bdiet il-Ħadd li għadda fuq l-istazzjon Nazzjonali TVM, il-parteċipanti se jgħaddu minn diversi fażijiet li għandhom iwasslu sas-serata finali tas-Sibt 8 ta’ Frar.

Is-sena l-oħra kienet l-Għawdxija Michela Pace li ħarġet rebbieħa fl-ewwel edizzjoni ta’ dan il-programm u rrappreżentat lil pajjiżna f’Tel Aviv, fl-Iżrael fejn ikklassifikat fit-12-il pożizzjoni tas-serata finali.

Filwaqt li għall-edizzjoni tas-sena d-dieħla għadu kmieni biex inkunu nafu l-lista sħiħa ta’ parteċipanti għall-Eurovision, b’differenza mis-snin ta’ qabel diġà hemm żewġ pajjiżi, Spanja u l-Belġju, li diġà kkonfermaw min se jkunu dawk li jirrappreżentawhom.

Spanja se tkun rappreżentata minn Blas Cantò filwaqt li l-Belġju se tkun rappreżentata minn Hooverphonic.

Iż-żewġ pajjiżi però għad iridu jħabbru l-kanzunetta li se jipparteċipaw biha.